It-Tnejn, waqt il-Kampjonat Ewropew tal-Juniors tas-Snooker li qed isiru f’Antalya, t-Turkija, Jake Castaldi, li fl-ewwel jum kkwalifika mal-aħħar 32 fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena, rebaħ biex ikkwalifika għal mal-aħħar 16 iżda ġie eliminat fir-rawnd suċċessiv.
Fl-ewwel konfront tiegħu Castaldi iltaqa’ kontra l-Pollakk, Witold Bystrzycki fejn dawn offrew l-aktar logħba kumbattuta u eċċitanti s’issa matul dan il-kampjonat. Kien il-Pollakk li rebaħ l-ewwel frame iżda Castaldi rrisponda mill-ewwel u rebaħ it-tieni frame. Bystrzycki rega’ ħa l-vantaġġ iżda l-Malti fir-raba’ frame kien sod u għal darb’oħra kiseb il-parita’ fejn saħansitra wettaq break ta’ 44 punt. Il-ħames frame kellu jiddeċiedi min kien ser jikkwalifika għal mal-aħħar 16. Bħal ħafna drabi l-frame deċiżiv joħloq aktar eċċitament, aktar u aktar meta l-frame baqa’ jintlagħab f’bilanċ assolut tant li l-aħħar boċċa kellha tiddeciedi l-kwalifikazzjoni. Kien Castaldi li min qagħda xi ftit diffiċli xorta mar għal kolp fuq is-sewda u ppottja biex għalaq l-logħba għal skor finali ta’ 3-2 fil-punteġġ tal-frame ikunu; 41-60, 58-34, 43-54, 77-58 u 51-50.
Fil-logħba tar-rawnd tal-aħħar 16, l-avversarju ta’ Castaldi, kien l-Ingliż, Logan Hall li ftit ta’ ċans lil Malti jidħol fil-logħba. Fit-tliet frames li ntlagħbu l-Ingliż wettaq break ta’ aktar minn ħamsin punt f’kull frame. Fl-ewwel frame 84 punt, fit-tieni frame 52 punt u fit-tielet frame 54 punt għal rebħa netta ta’ 3-0, bl-iskor tal-frames jintemmu; 1-84, 30-88 u 41-61.
B’hekk l-avventura ta’ Jake Castaldi f’din il-kategorija tintemm iżda tissokta matul il-kompetizzjoni tal-Juniors ta’ taħt it-18-il sena li tibda fi-tielet jum u fl-aħħar parti ta’ dan il-kampjonat anke’ fil-kompetizzjoni ta’ taħt -il 21 sena.
Flimkien ma’ Jake Castaldi, l-Erbgħa, fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena jidħol ħuh Chaylon kif ukoll Xavier Rizzo flimkien maż-żewġ Maltin li diġà kienu fl-azzjoni waqt il-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-16-il sena. Dawn huma Caiden Casha u Gregory Cachia.
Il-ħames plejers Maltin ser inkunu fost id-90 żagħżugħ li hemm irreġistrati biex jieħdu sehem f’din il-kategorija. Dan ġew maqsuma f’20 grupp ta’ erba’ u żewġ gruppi ta’ ħamsa. Fl-ewwel fażi, l-Maltin kollha, ser ikunu fi gruppi flimkien ma tliet parteċipanti oħra u għalhekk iridu jilgħabu tliet logħbiet.