Il-kontigent Malti li qed jieħu sehem fil-Kampjonat Ewropew tal-Juniors tas-Snooker li qed isiru f’Sarajevo, l-Bosnja-Ħerżegovina ma tantx beda’ din l-avventura fuq nota pożittiva wara vjaġġ ferm twil li ma kienx skedat.
It-titjira li kellha twassal lil players Maltin minn Istanbul, it-Turkija sa Sarajevo ġiet iddevjata minħabba l-maltemp u tħalliet tagħmel inżul f’Belgrad, is-Serbja. Fl-ajruport ta’ Belgrad il-kontingent Malti u dawk kollha li kienu fuq din it-titjira ma tantx ingħataw għajnuna u alternativi biex jkollhom transport biex jaslu sal-belt kapitali tal-Bosnja-Ħerżegovina barra li tħallew ukoll mingħajr bagalji u fil-każ tal-players mingħajr stikek ukoll. Huma kellhom jaqbdu taxi u wara 300 kilometru ta’ vjaġġ waslu l-lukanda f’Sarajevo fl-4 a.m.
Minħabba dan l-inkonvenjent il-European Billiards and Snooker Association mexxiet il-logħob tal-players Maltin għal wara nofs n-nhar iżda f’temp qasir u mingħajr wisq mistrieħ kellhom xorta jilgħabu t-tliet konfronti tagħhom tal-kategorija ta’ taħt is-16-il sena. Peress li l-baggalji u anke’ l-istikek bagħqu ma waslux l-E.B.S.A. pprovdiet stikek u ħarġet permess li players Maltin segħtu jilgħabu mingħajr uniformi.
Xavier Rizzo minn tliet logħbiet rebaħ tnejn u kkwalifika għal mal-aħħar 32. Huwa rebaħ kontra Aleksejs Grigoļunovičs tal-Latvja, 2-0 u l-Irlandiż Max Kennedy, 2-0 iżda tilef bil-punteġġ ta’ 2-0 kontra Riley Powell ta’ Wales.
Adam Pace tilef it-tliet logħbiet tiegħu kontra Vladislav Gradinari tal-Moldova, Will Taylor tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Pollakk Witold Bystrzycki. Kontra dan tal-aħħar Pace, li għad għandu 9 snin, rebaħ frame wieħed sabiex fil-klassifika finali wara l-ewwel round ikun spiċċa qabel disa’ players li fil-logħbiet tagħhom ma rebħu l-ebda frame.
L-avversarju ta’ Xavier Rizzo fir-round tal-aħħar 32 huwa Vladislav Gradinari tal-Moldova li rebaħ Grupp N fejn lagħab Adam Pace. Gradinari li bħal Rizzo għandu 15 -il sena huwa wieħed mill-aktar players żgħazagħ li jippromettu fl-Ewropa. Fil-fatt, minħabba s-snooker huwa jgħix l-Ingilterra fejn ftit tax-xhur ilu rebaħ l-Event 4 tal-English Junior Tour u fis-sena 2022, fost numru kbir ta’ players mir-Renju Unit, rebaħ il-Kampjonat Ingliż ta’ taħt l-14-il sena.