Il-bidu ta’ Diċembru jġib miegħu diversi kampanji madwar id-dinja biex iżidu l-għarfien dwar mard trażmess sesswalment, fosthom il-virus tal-HIV, li jista’ jwassal għall-AIDS.
F’pajjiżna, fl-ewwel jum tax-xahar, saret attività mid-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, li mar qalb iż-żgħażagħ fl-Università ta’ Malta.
Hemmhekk, id-Direttur tad-Direttorat, Paula Vassallo spjegat kif ma’ għaqdiet oħra, Malta ngħaqdet mal-kumplament tad-dinja biex tqajjem aktar għarfien u telimina l-istigma assoċjata ma’ dan il-mard.
Qalet, “Qegħdin ningħaqdu mal-istudenti tal-mediċina u kif ukoll mal-NGO MGRM biex flimkien, inkomplu nżidu l-għarfien fuq din l-infezzjoni, kif tista’ tipprevjeni, kif tinfirex, jiġifieri importanti li ningħaqdu flimkien biex dejjem inżidu l-għarfien fuq din il-marda.”
F’din l-attività kien hemm l-infermiera li tispeċjalizza fuq is-saħħa sesswali, Maria Axisa, li kienet qed tispjega lil dawk preżenti, kif tista’ tipprevjeni mard trażmess sesswalment.
Qalet, “Prattikament dejjem nisħqu fuq l-użu tal-condom, ovvjament tnaqqas l-ammonti ta’ nies li inti jkollok x’taqsam magħhom sesswalment, speċjalment jekk tagħmel sess mhux protett, u hemm mediċini biex tipprevjeni l-HIV u tkun mgħarraf iktar dwar il-marda biex tkun tista’ iktar aware tas-sitwazzjoni.”
L-edukazzjoni tibqa’ kruċjali biex kulħadd ikun mgħarraf aħjar fuq dan it-tip ta’ mard, speċjalment għaliex l-HIV hija infezzjoni li wieħed irid jgħix biha tul ħajtu.
Qalet, “Illum ħafna persuni li jgħixu bl-HIV, jgħixu ħajja normali ħafna bit-treatment li jeżisti, għax tant hu tajjeb li jbaxxi l-ammont tal-virus ta’ persuni bl-HIV li ma jitrażmettux l-HIV minn persuna għall-oħra.”
Il-Ħadd, se ssir attività simili quddiem il-Parlament, fejn professjonisti li jispeċjalizzaw fuq dan il-mard se jkunu disponibbli biex jagħtu tagħrif lill-pubbliku.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jidħol fuq is-sit www.sexualhealth.gov.mt.