Il-Ministeru tas-Saħħa għaddej b’diversi kampanji fl-iskejjel biex jgħarraf lill-istudenti dwar l-opportunitajiet li jeżistu għal dawk li jagħżlu li jkomplu jistudjaw is-suġġetti tax-xjenza.
Dan bħala parti minn ħidma iktar ħolistika biex aktar nies f’Malta jagħżlu karriera fis-settur tas-saħħa.
Ħidma li fl-aħħar snin ħalliet ir-riżultati, hekk kif skont ċifri maħruġa mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa fl-aħħar jiem, jirriżulta li fl-elfejn u għoxrin, Malta kienet it-tieni l-aktar pajjiż fl-Ewropa li fih iggradwaw tobba ġodda.
Fil-fatt, minn dawn iċ-ċifri jirriżulta li fis-sena tal-pandemija, f’Malta ggradwaw tnejn u tletin tabib għal kull mitt elf ruħ.
L-istess statistika turi wkoll li Malta kellha t-tieni l-akbar numru ta’ spiżjara; b’erbatax-il spiżjar għal kull mitt elf resident.
Maureen Mahoney, Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, spjegat il-ħidma li ssir biex aktar nies jitħajru jagħżlu karriera fil-qasam tal-mediċina.
Qalet, “Bħalissa qegħdin naħdmu ħafna mal-iskejjel, kemm tal-istat kif ukoll tal-Knisja, biex inħajru iżjed studenti jersqu lejn il-professjonijiet li huma relatati mas-saħħa. Qegħdin nidħlu fil-klassijiet, anki tal-primarja, qegħdin norganizzaw numru ta’ seminars mal-career guidance teachers biex ikunu f’pożizzjoni aħjar li jagħtu parir lill-istudenti meta jmorru għandhom u qegħdin naħsbu wkoll fuq kampanja biex nagħtu għarfien ġenerali fuq il-professjonijiet relatati mas-saħħa.”
L-iskop huwa li minn t’età żgħira, it-tfal ikunu jafu bl-opportunitajiet li jeżistu fis-settur, anki f’irwoli mhux daqstant komuni.
Qalet, “L-iskop tagħna hu li nilħqu lit-tfal f’età żgħira kemm jista’ jkun jiġifieri qabel ikunu ddeċidew x’suġġetti u xi professjoni se jagħżlu għaliex inħossu li speċjalment f’ċertu kategoriji ta’ impjegati li jaħdmu magħna m’hemmx għarfien biżżejjed, jiġifieri l-professjonijiet l-iktar komuni kulħadd jaf bihom però għandna ħafna professjonijiet oħra li għandna bżonn biex insostnu s-servizz tagħna.”