F’istituzzjonijiet post-sekondarji, l-Aġenzija Sedqa bħalissa qiegħda tippromwovi diversi kampanji edukattivi fosthom kampanja t’għarfien dwar l-alkoħol u l-kannabis li għaddejja fl-istituzzjoni Giovanni Curmi Higher Secondary.
Matul din il-kampanja saru diversi attivitajiet u eżerċizzji li fil-qalba tagħhom hemm informazzjoni edukattiva u fuq kollox, korretta rigward l-effetti u l-liġijiet li jsawru dawn is-sustanzi.
Din l-inizjattiva hija parti minn investiment tal-Gvern fil-qasam ta’ harm-reduction, jiġifieri investiment fi programmi preventivi li jkunu effettivi u li jindirizzaw ir-realtajiet tas-soċjetà.
Il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ Clifton Grima rrimarka li uliedna għandhom jingħataw edukazzjoni komprensiva li tgħallem il-kurrikulu iżda li tħares lil hinn minn dan l-istess kurrikulu.
“Qed niġu hawnhekk fejn propju qedgħdin niltaqgħu ma’ studenti, ma’ żgħażagħ li qegħdin jieħdu għarfien dwar dawk li huma r-realtajiet hemm barra. U allura dan huwa propju parti mill-perkors tal-edukazzjoni, edukazzjoni li tagħti l-għodda lit-tfal tagħna sabiex jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom u jkollhom l-għarfien li tant huwa importanti, ngħid jien essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon sostna li l-Gvern se jkompli jinvesti f’dawn il-programmi edukattivi sabiex iż-żgħażagħ jingħataw informazzjoni fattwali u saħansitra l-konsegwenzi ta’ ċertu abbużi li kapaċi jħallu detriment fit-tul.
“Qegħdin hawn biex nagħtu għarfien lil kulħadd, biex ngħid hekk ovvjament, hawnhekk qed nitkellem fuq dawk li huma żgħażagħ dwar ir-realtajiet tal-ħajja. L-iskop tagħna huwa li jkunu attrezzati aħjar biex jieħdu deċiżjonijiet tajba għal matul ħajjithom.”
Permezz ta’ dawn il-programmi edukattivi l-istudenti qegħdin jingħataw l-opportunità jiddiskutu suġġetti varji u li kapaċi jtejbu l-ħiliet personali tagħhom.