Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien qed iniedi kampanja ta’ għarfien fuq il-ġbir tal-ħmieġ tal-klieb.
Din il-kampanja se tara kif fost oħrajn fil-lokalità, mill-Ħadd, se jibdew jitqassmu l-boroż tal-plastik apposta biex jinġabar il-ħmieġ tal-kelb, kif ukoll inizjattivi oħra, iżda mhux biss.
Tkellimna mas-Sindku ta’ Ħal Tarxien, Joseph Abela, sabiex jispjegalna aħjar din l-inizjattivà.
Abela qal, “Investejna ukoll f’35 bin ieħor ġodda tal-klieb fejn jistgħu jitfgħu, wara li jagħmel il-bżonnijiet tiegħu l-kelb tagħhom, kif ukoll għamilna tabelli biex ma jidħlux bil-klieb fil-ħamrija.”
Preżenti għat-tnedija tal-inizjattiva kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għal-Gvern Lokali, Allison Zerafa Civelli.
Waqt id-diskors tagħha s-Segretarju Parlamentari enfasizzat fuq l-importanza li ċ-ċittadini jkunu responsabbli u appellat lir-residenti, biex issa jagħmlu użu minn dawn il-boroż u bins li twaħħlu madwar il-lokalità. Hija tenniet tirringrazzja lill-kunsill ta’ Ħal Tarxien, li qed idawwar sfida f’opportunità ta’ edukazzjoni.
Alison Zerafa Civelli stqarret, “Qed jipprovdi l-għodda sabiex it-toroq ta’ Ħal Tarxien jibqgħu nodfa, issa nitlob lill-pubbliku, u dawk kollha li jiġu jżuru lil Ħal Tarxien biex jikkoperaw mal-Kunsill Lokali u jżommu, iva t-toroq tagħna nodfa.”