‘Id-diżabilità tiegħi ma ttikx id-dritt tabbużani’ huwa l-isem tal-kampanja ta’ għarfien immirta lejn il-vjolenza li ġieli jaffaċċjaw persuni b’diżabilità.
Waqt it-tnedija ta’ din il-kampanja, il-Ministru għall-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli sostniet li persuni b’diżabilità jgħixu b’aktar biża li jiġu abbużati minħabba l-kundizzjonijiet tagħhom.
Stqarret li l-Gvern diġà qed jaħdem biex jipproteġi lill-persuni b’diżabilità mill-abbuż, u din il-kampanja tikkumplimenta tajjeb l-inizjattiva tal-Gvern.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet, “Din il-kampanja edukattiva hija kontinwazzjoni tal-messaġġ b’saħħtu li beda l-Gvern fil-Parlament propju ġimagħtejn ilu fejn qed ngħidu lis-soċjetà ‘le mhux aċċettabbli li persuni b’diżabilità jkunu vittmi ta’ vjolenza mhux biss fiżika imma wkoll verbali.”
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace Gasan, stqarret li l-kampanja hija utli sabiex tassigura li l-persuni b’diżabilità jinstemgħu.
Hija sostniet: “Ħafna mid-drabi meta nitkellmu fuq drittijiet tan-nisa jew drittijiet ta’ persuni b’diżabilità, ninsew dawk in-nisa b’diżabilità li jkunu esperjenzaw il-vjolena domestika. Naħseb li jkollna informazzjoni aċċessibbli u li tista’ tinftiehem u tintlaqa’ minn persuni b’diżabilità stess, hija inizjattiva tajba biex inħarsu ‘l quddiem u anke nħeġġu aktar nisa b’diżabilità li esperjenzaw il-vjolenza jersqu ‘l quddiem.”
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Owen Bonnici appella lil kull min affaċċja dan it-tip t’abbuż sabiex ma jibżax u jersaq ‘il quddiem, għaliex b’hekk ikun żgurat li ssir ġustizzja.
Huwa tenna: “Dawk kollha li għaddejjin minn din id-difikultà jew dis-sitwazzjoni kerha, għandhom jersqu ‘l quddiem għaliex hemm għajnuna li tingħatalhom biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja ħjar lil hinn minn dit-tip ta’ vjolenza li hija inaċċettabbli.”