L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) tikkalkula li sas-sena 2030 globalment se jkunu meħteġin disa’ miljun infermier/a u qwiebel ma’ dawk li hawn bħalissa bil-għan li jkunu salvagwardati l-prevenzjoni, it-trattament u l-kura kontra l-mard biex b’hekk il-popli jkunu jistgħu jgħixu ħajja sana f’kull stadju ta’ ħajjithom. Fl-okkażjoni tal-200 anniversarju mit-twelid tal-ikona tal-infermieri, Florence Nightingale, il-WHO se tiddedika s-sena 2020 lill-infermieri u l-qwiebel – is-Sena tal-Infermieri u l-Qwiebel. Fl-isfond ta’ dan l-anniversarju tnediet kampanja internazzjonali mmirata biex tattira aktar żgħażagħ lejn dawn il-professjonijiet billi ttejjeb kemm tista’ l-mod ta’ kif wieħed għandu jħares lejn l-infermieri, titkattar l-influwenza tagħhom u timmassimizza l-kontribut tagħhom biex ikun assigurat li kulħadd ikollu, u kullimkien ikun hemm, aċċess għall-kura tas-saħħa.
Malta, permezz tad-Direttorat għas-Servizzi tan-Nursing (NSD) fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, se tkun, u fil-fatt diġà bdiet, tieħu u tagħti sehem f’din il-kampanja dinjija. Tul din il-kampanja mifruxa fuq sena sħiħa l-NSD se tkun qed tinvolvi entitajiet governattivi, universitajiet, lill-Union tal-Qwiebel u l-Infermieri (MUMN), Kunsilli Lokali u s-settur privat.
Mitlub jikkummenta dwar din il-kampanja, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal lil dan il-ġurnal: “Aħna, bħal ħafna pajjiżi oħrajn ukoll suġġetti għall-bżonn ta’ aktar infermieri u qwiebel. B’sodisfazzjon ngħid li s-settur tas-saħħa f’pajjiżna huwa wieħed tajjeb ħafna, ninsabu fost l-aqwa 10 pajjiżi fid-dinja għas-servizz tassaħħa. Dan huwa dovut mhux biss għall-infrastruttura tajba ħafna li għandna f’kull fergħa tal-qasam mediku, imma wkoll grazzi għall-professjonisti u l-ħaddiema kollha ta’ dan is-settur, fosthom l-infermieri u l-qwiebel. Aktar ma nżidu s-servizzi tas-saħħa aktar ikollna bżonn ħaddiema, fosthom infermieri. Dan huwa evidenti ħafna mill-fatt li f’dawn l-aħħar sitt snin u nofs in-numru ta’ infermieri żdied b’madwar 700, tant li fis-sena 2013 kien hemm 2,900 infermier u llum għandna 3,600 u xorta għad għandna bżonn. Konxji minn dan kollu ma niqfux minn ħidmietna biex nattiraw aktar żgħażagħ lejn din il-professjoni, fosthom b’kampanji bħal din li embarka fuqha d-Direttorat għas-Servizzi tan-Nursing, li nawgura li tħalli l-frott.”
Id-Deputat Prim Ministru żied jgħid: “Fuq it-3 snin li ġejjin se jkunu meħteġin aktar minn 400 infermier ieħor u għalhekk huwa importanti li nħajru aktar żgħażagħ lejn din il-professjoni nobbli u li tagħti sodisfazzjon. B’riżultat ta’ ftehim settorjali milħuq mal-MUMN f’Novembru tas-sena li għaddiet il-professjoni tal-infermier għandha rikonoxximent aħjar mil-lat finanzjarju u xi ħaġa importanti ħafna hija li nħolqot struttura li permezz tagħha l-infermier jista’ jibqa’ jispeċjalizza.”
Il-kampanja li se jkun qed jagħmel id-Direttorat għas-Servizzi tan-Nursing għandha ħames għanijiet prinċipali:
• Li tgħolli l-istatus u l-profil tal-professjoni tan-nursing.
• Li ssaħħaħ post l-infermieri fil-qalba tal-ħidma meħtieġa għall-isfidi li qed joffri s-seklu 21 fil-qasam tas-saħħa.
• Li tkun ta’ appoġġ lill-infermieri biex imexxu, jitgħallmu u jsaħħu l-professjoni tagħhom. • Li tissieħeb ma’ dawk involuti biex tkun żviluppata l-kampanja.
• Li tattira żgħażagħ lejn il-professjoni filwaqt li żżomm fl-impjieg lill-infermieri attwali. L-NSD diġà beda jattwa din il-kampanja b’attivitajiet li bl-għajnuna tal-Ministeru għall-Edukazzjoni permezz tan-National School Support Services (Career guidance Section) u d-Directorate for Learning and Assessment (Health & Social Care Section) qed jagħmel għal studenti tal-Ħames Sena fil-Livell Primarju fi skejjel kemm statali u mhumiex. Il-ħsieb wara dawn l-attivitajiet huwa li jintbagħat messaġġ pożittiv lill-istudenti minn età żgħira dwar l-importanza tal-kura tas-saħħa mhux biss fuq livell individwali imma wkoll biex minn età żgħira jinħoloq għarfien u perċezzjoni pożittiva dwar il-karrieri f’dan is-settur.
Kelliem għall-NSD qal lil dan il-ġurnal li fil-kampanja tul is-sena skolastika 2019-2020 se jkunu qegħdin jieħdu sehem 23 skola u s’issa diġà saret attività f’erbgħa minnhom. L-attività, li tieħu madwar siegħa, tkun tikkonsisti, fost affarijiet oħrajn, minn preżentazzjoni ta’ madwar 10 minuti dwar il-professjoni
tan-nursing ibbażata fuq ir-relazzjoni tal-infermier mal-pazjent kif ukoll dwar il-post tax-xogħol, bħalma huma sptarijiet u kliniċi. Dan ikun segwit minn tliet workshops, li jkunu jinkludu l-għarfien tal-ġisem uman, fejn l-istudenti jkunu mistoqsija dwar il-funzjoni ta’ organi differenti bl-istudenti jpoġġu l-organi fil-post korrett filġisem uman, il-bini ta’ ambulanza billi jgħaqqdu l-biċċiet provduti u twaħħil ta’ stickers fuqha flimkien mal-importanza tas-Servizz 112 u finalment kif jeżaminaw il-polz u n-nifs tal-individwu. L-attività tinkludi wkoll il-parteċipazzjoni ta’ żewġ infermieri li permezz ta’ pupazzi jenfasizzaw l-importanza tal-ħasil tal-idejn bit-tfal jieħdu sehem dirett u attiv.
Bil-għan li jintlaħqu l-istudenti kollha tal-Ħames Sena fl-iskola partikolari l-attività ssir darbtejn jew aktar, skont il-ħtieġa. Sadanittant bil-għan li jinħoloq aktar għarfien dwar il-professjoni u fl-istess ħin issir aktar promozzjoni għaliha, studenti tal-10 Sena fl-istess kulleġġ u li jkunu qegħdin jistudjaw is-suġġett Health and Social Care, flimkien mal-għalliema tagħhom, ikunu mistednin jassistu lill-infermieri fil-workshops u fl-istess ħin huma stess ikunu qegħdin ikattru t-tagħlim tagħhom dwar din il-professjoni/karriera għalihom.
L-attivitajiet qegħdin jitmexxew minn membri tad-Direttorat għas-Servizzi tan-Nursing flimkien ma’ infermieri li jaħdmu kemm fil-qasam nazzjonali tas-saħħa kif ukoll fis-settur privat.
Fir-rigward tal-kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali l-NSD qal lil dan il-ġurnal li saru diversi laqgħat mat-taqsima tal-Gvern dwar il-Kunsilli Lokali. Il-Kunsilli Lokali ġew mistednin jiddentifikaw u jressqu ’l quddiem l-oqsma fil-komunitajiet rispettivi tagħhom li dwarhom iħossu li għandhom bżonn għajnuna. Potenzjalment, imma mhux biss, dawn l-oqsma jinkludu d-dijabete; id-dimensja; il-perinatal mental health; is-saħħa mentali; l-aspetti konnessi mal-qwiebel bħall-kura ta’ tfal tat-twelid u l-ippjanar tal-familja; l-anzjanità attiva u l-eżerċizzji. Fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura l-NSD tkun tista’ tippjana u timplimenta l-attivitajiet tagħha skont il-ħtiġijiet tal-Kunsilli Lokali għas-sena li ġejja, 2020.