Tnediet kampanja ta’ għarfien mid-Dwana ta’ Malta u l-awtorità tat-taxxa dwar is-sigaretti tal-kuntrabandu u r-riskji li jgħaddi minnhom kull min ipejjiphom.
Matul il-jum, quddiem il-Parlament, wieħed seta’ josserva t-teknoloġija avvanzata li qed tintuża minn uffiċjali lokali, fosthom bir-raġġi UV, infra-red u lenti speċjali, kif ukoll il-klieb tad-Dwana. Ġie spjegat anke t-tip ta’ taħriġ li jridu jgħaddu minnu biex ikunu jistgħu jinterċettaw oġġetti illegali, fosthom sigaretti tal-kuntrabandu.
Ġie diskuss l-impatt li s-sigaretti tal-kuntrabandu jagħmlu fuq is-saħħa, mhux l-inqas għax dawn jinħadmu f’ambjent mill-aktar tossiku, mimli ħmieġ, insetti u espożizzjoni għal ċerti kimiċi.
L-uffiċjali spjegaw li hemm ħames modi kif wieħed jagħraf pakket sigaretti tal-kuntrabandu minn wieħed normali – inkluż jekk ikollux avviż tas-saħħa bil-Malti u bl-ingliż, boll tas-sisa u numru t’identikazzjoni uniku.
Biex tkompli tikkumbatti l-bejgħ ta’ sigaretti tal-kuntrabandu, id-Dwana żdiedet il-multi għal €25,000 u possibiltà ta’ ħabs għal min jinstab ħati li jimmanifatturahom, jimportahom jew ibiegħhom.
Il-Kummissarju tat-Taxxi, Joseph Caruana, qal li, bħalissa, id-Dwana u l-awtorità tat-taxxa għaddejjin minn aktar immodernizzar biex titjieb il-ħidma favur is-saħħa u sigurtà tal-poplu Malti.
“Għaddejjin minn immodernizzar sħiħa tat-taxxa u tad-Dwana, qed nitkellmu fuq investiment bla preċedent fuq is-sistema kollha li ilhom fuq għoxrin sena, qed nitkellmu ukoll fuq proċessi tagħna, tad-Dwana biex ikunu iktar effetivi u biex jkollna standards tal-ogħla livelli Ewropej, kif ukoll tal-World Customs Organisation”
Rapporti, anke b’mod anonimu, jistgħu jsiru fuq in-numru 23783888.