Tnediet l-ewwel fażi ta’ kampanja ta’ informazzjoni mmirata lejn iċ-ċittadini kollha u li hija bbażata fuq is-servizzi li joffru l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza fuq is-servizzi offruti u li huma aċċessibbli għal kulħadd.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, u s-Segretarju Permanenti, Johan Galea.
Is-Segretarju Permanenti spjega li l-idea nibtet mill-fatt li, minn stħarriġ li kien sar f’livell nazzjonali fl-2021, ħareġ kif il-maġġoranza tan-nies jabbinaw il-ġustizzja mal-Qorti biss, 40 fil-mija biss jafu li għandhom aċċess għas-sentenzi tal-qorti, u 15 fil-mija biss jafu li l-avukat jista’ jiftaħ kawża online.
Ġie spjegat li dan l-istħarriġ irid jittieħed ukoll fid-dawl tal-investiment li l-Gvern qiegħed jagħmel fil-qasam tal-ġustizzja. Fil-fatt, mill-2017 sal-2022, l-investiment tal-Gvern f’dan il-qasam irdoppja b’żieda ta’ kważi 100 fil-mija minn €20,422,500 għal kważi €41,000,000.
Dan filwaqt li n-nefqa bejn l-2017 u l-2021 żdiedet bi 88 fil-mija.
Dan l-investiment fuq medda ta’ ħames snin sar sabiex jitwaqqfu entitajiet ġodda fil-ġustizzja bħad-Dipartiment tal-Ġustizzja, sabiex jitkabbru l-operat tal-entitajiet, bħalma qed jiġri fl-Aġenzija tal- Għajnuna Legali, u sabiex jitwessgħu s-servizzi offruti, bħalma qiegħed iseħħ fil-każ tan-Nutar tal-Gvern.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jonathan Attard sostna li b’hekk din il-kampanja hija kruċjali biex jiżdied l-għarfien tas-servizzi eliġibbli għall-professjonisti u nies li jiffurmaw parti mis-settur tal-ġustizzja.
Huwa tenna li l-ġustizzja għandha tidher li qed issir, mhux biss fil-kawżi tal-Qorti iżda wkoll billi kulħadd ikun mgħarraf b’servizzi li wieħed jista’ jagħmel użu minnhom.
“Se nassigura li, b’kampanja ta’ informazzjoni, inkunu qed naslu b’aktar mod effettiv għand iċ-ċittadini tagħna b’tali mod li jkunu aktar b’konoxxenza tas-servizzi offruti, però wkoll biex nassiguraw li nkomplu ntejbu s-servizzi offruti liċ-ċittadini hemm barra biex kemm jista’ jkun inkomplu niffaċilitaw u nissimplifikaw il-proċessi fis-settur tal-ġustizzja.”