Fil-jiem li ġejjin fuq il-Facebook se jibdew jixxandru 11-il filmat qosra ta’ madwar żewġ minuti dwar il-ħarsien tal-annimali. Dan tħabbar waqt konferenza stampa li saret fl-Għammieri mill-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mall-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina.
L-għan ta’ din il-kampanja huwa li jiżdied l-għarfien fost il-pubbliku dwar iż-żamma tal-annimali, kemm domestiċi, eżotiċi u anke dawk li jinżammu fl-irziezet.
Il-Kummissarju Bezzina nnotat illi l-każijiet ta’ abbuż, moħqrija u negleġenza ġeneralment isiru minħabba nuqqas ta’ għarfien għal mod kif għandhom jinżammu l-annimali. Għalhekk inħass il-bżonn sabiex din il-kampanja teduka anke dwar it-tbdil fil-liġi b’rabta mad-drittijiet tal-annimali.
Il-Ministru Refalo sostna illi l-Gvern se jibqa’ jaħdem biex l-annimali jkunu protetti kif inhu meħtieġ. Infatti, l-Ministru tenna illi bħalissa qed isiru xi emendi fil-liġijiet; fosthom li jekk persuna jkun instab ħati ta’ moħqrija fuq l-annimali, il-Qorti jkollha s-setgħa li tipprojbixxi l-persuna jew persuni oħra li jgħixu fl-istess dar milli jżommu jew irabbu annimali.