“Qatt ma kont nobsor li se nasal għal din il-konklużjoni minħabba t-trawwim tat-twemmin politiku tiegħi u ta’ familti. Pero’ meta taqbad skala u tevalwaha, nemmen li kulħadd kapaċi jasal kif wasalt jien.” Hekk kitbet Lorna Mangion fuq il-profil tas-sit soċjali Facebook fejn esprimiet l-opinjoni tagħha, minkejja li għadha mhix eliġibbli li tivvota.
Lorna Mangion hi tfajla ta’ 17-il sena fejn sa ftit tal-ġimgħat ilu, Lorna kienet tappoġġja lill-Partit Nazzjonalista. Tant li fl-1 ta’ Mejju, dakinhar li tħabbret l-elezzjoni, kienet bilqiegħeda wara l-Kap tal-Oppożizzjoni u saħansitra marret ukoll għall-ewwel mass meeting tal-PN f’Ħal Balzan (fir-ritratt).
Lorna Mangion qalet “Ħafna jafu jieħdu l-idea ħażina tiegħi, pero ma flaħtx ma nesprimix l-opinjoni tiegħi għalkemm minix eleġibbli li nivvota u li dawn is-17-il sena dejjem ħaddant twemmin partikolari.”
Mangion sostniet kif hi studenta. Hi bint. Hi impjegata u tifla tal-ħaddiem. Spjegat kif kampanja negattiva ma trebbaħx elezzjoni, iżda “l-viżjoni ta’ futur aqwa milli għandna bi proposti konkreti u li se nibbenifikaw minnhom, IVA. In-nies, b’mod speċjali aħna l-istudenti rridu moviment pożittiv, li jgħaqqadna lkoll flimkien apparti d-differenzi tagħna u mhux il-firda.”
L-istess tfajla temmet il-messaġġ tagħha fuq Facebook billi qalet “kieku kelli nagħzel, nagħzel Malta iva għax L-AQWA ŻMIEN TA’ PAJJIŻNA GĦADU ĠEJ!”
Meta staqsejna lil Lorna meta kien il-mument deċiżiv, Lorna qaltilna li kien meta attendiet għall-mass meetings kollha bi ħġara li indunat li ħlief negattività u “l-istess kliem tiela u nieżel ma smajtx.”
Sostniet kif anke jekk wieħed iħares lura fejn kien hemm id-deċiżjoni tad-divorzju, hi taqbel mad-divorzju. “Listess mal-IVF. Għaliex nies li għandhom problemi ta’ infertilità m’għandhomx dritt li jesperjenzaw wild bħal kulħadd? Jew jien li se nkun repeater is-sena d-dieħla se nibbenifika mill-istipendju xorta waħda,” spjegat Lorna.
Hi qalet li dawn il-proposti konkreti u viżjoni ta’ futur aqwa milli għandna kien il-mument deċiżiv tagħha u li fil-waqt li hi biddlet fhemtha għalkemm hi mhix eliġibbli li tivvota, membri oħra mill-familja tagħha għamlu l-istess pass.