Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li huwa inġust li pajjiżna jintefa f’dawl ikrah u fl-istess keffa ta’ pajjiżi li fihom qed ifaqqaw skandli kbar relatati ma’ ħasil ta’ flus. Dan anke meta Malta hija fost erba’ pajjiżi li qablu li l-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ ir-regoli tagħha fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, u li sabu oppożizzjoni mill-istess pajjiżi li fihom qed iseħħu dawn l-iskandli.Il-Ministru Scicluna tkellem dwar dan wara li l-gazzetta ‘The Financial Times’ qalet li l-Kummissjoni Ewropea qed tħejji biex tieħu passi fil-konfront ta’ Malta wara li l-Awtorità Bankarja Ewropea qalet li l-FIAU naqset milli tagħmel superviżjoni effettiva fuq il-Bank Pilatus.
Huwa qal : “li Malta tiġi mgħażula b’mod ewlieni minħabba skandli kbar li qed jiġru f’pajjiżi oħra bħad-Danimarka, l-Estonja, l-Olanda u l-Latvia, naħseb kulħadd jaf x’qed jiġri f’pajjiżi oħra u li naħseb li jekk wieħed jiġber il-konklużjoni tiegħu jekk l-attenzjoni għandiex fuq skandli kbar bħal dawn jew jekk proċeduri tal-FIAU kienux f’posthom”Il-Professur Scicluna qal li għall-kuntrarju ta’ dak li ngħad fl-artiklu, f’laqgħa li kellu mal-Kummissarju għall-Ġustizzja Vera Jurova, hija ma nislet l-ebda kelma dwar xi passi li tista’ tieħu l-Kummissjoni kontra Malta.
Saħansitra hija laqgħet bosta rapporti fosthom dak tal-Fondi Monterju Internazzjonali li kkonferma t-trasparenza fiskali li jadotta l-Gvern Malti, u li l-Professur Scicluna għada waqt il-laqgħa li hu kellhu mal-Kummissarju Ewropew għal Ġustizzja Vera Jurova. Huwa sostna kif min-naħa tagħha qalet li se turi li ma għandha l-ebda nteress li tattaka pajjiż wieħed imma tara li l-kampanja ewropeja kontra l-ħasil ta’ flus tkun mifruxa fuq il-pajjiżi kollha.
Il-Ministru Scicluna wera d-diżapunt tiegħu u qal li Malta mistennija tipprotesta wara li sar jaf bil-każ mill-gazzetta. Dan meta f’laqgħat li saru minnu u mis-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri, il-Kummissarju qatt ma qajmet dan il-punt. “Malta se tieħu l-passi li għanda tieħu biex tipprotesta għal fatt li informazzjoni li rappreżentanti tal-Gvern jiġifieri Ministru u Segretarju Parlamentari kellhom jirċevu waqt laqgħa ma tintqalx, u nsiru nafu dwar dan mill-gazzetti – naħseb li għandna għaliex nipprotestaw” temm jgħid il-Professur Scicluna.
Il-Professur Scicluna nnota li dan jista’ jkun il-bidu ta’ kampanja orkestrata fil-konfront ta’ pajjiżna fuq il-midja Internazzjonali. Huwa ma eskludix li wara din il-kampanja jista’ jkun hemm id moħbija. Filfatt qal kif dan ix-xahar mistennija teskala l-attakki tagħha fuq Malta, fejn bdejna bis-Sunday Telegraph, Financial Times u se jkomplu jħamġu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Dwar din il-kwistjoni l-Ministru Edward Scicluna qal li l-FIAU bagħtet ir-rapport dettaljat tagħha lill-Awtorità Bankarja Ewropea, madankollu baqgħet ma weġbitx. Il-Professur Scicluna kkonferma li fil-kabinett tal-Kummissarji għadha ma telgħet l-ebda deċiżjoni biex toħroġ xi opinjoni dwar Malta.