Wara li fl-ewwel jiem ta’ Diċembru tħabbar li pajjiżna għalaq b’suċċess in-negozjati dwar il-programmi kollha marbuta mal-Fondi Ewropej bejn l-2021 u l-2027, tħabbar ukoll impenn sabiex dawn il-fondi jersqu dejjem eqreb lejn iċ-ċittadin.
Tkellem dwar dan is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, waqt konferenza li ċċelebrat l-għeluq ta’ programm ta’ taħriġ lill-ħaddiema tal-Kunsilli Lokali, li huma l-ewwel punt ta’ kuntatt maċ-ċittadin.
Chris Bonett qal li hekk kif minn Jannar li ġej se jibdew jintużaw dawn il-Fondi li jlaħħqu l-tnejn punt tnejn biljun ewro, se jkun hemm impenn biex il-Kunsilli Lokali, fost istituzzjonijiet oħra, ikunu mħeġġa dejjem aktar biex jidħlu għal dawn it-tip ta’ proġetti.
Dan se jkun qiegħed isir permezz ta’ kampanja li se tirrakkonta stejjer ta’ suċċess li raw proġetti jieħdu l-ħajja u li llum il-ġurnata qegħdin jitgawdew, grazzi għall-fondi Ewropej.
Qal, “Allura se nkunu qegħdin nagħmlu biċċa xogħol flimkien mas-Servizzi Ewropej f’Malta, li hija entità oħra li taqa’ taħt il-portafoll illi qed immexxi jiena, illi dawn se jibdew mhux biss jgħinu lill-Kunsilli Lokali u lill-NGOs japplikaw, iżda se jibdew ukoll jgħinuhom jimplimentaw il-proġett, juruhom x’opportunitajiet hemm.”
Chris Bonett żied jgħid li x-xogħol li se tkun qed tagħmel Servizzi Ewropej f’Malta se jkun jinkludi aktar persuni lil hinn mill-Kunsilli Lokali biex il-Fondi Ewropej jintużaw bl-aħjar mod.
Qal, “U se ninvolvu magħhom, hemm ukoll, lill-bdiewa, lin-negozji ż-żgħar ħafna, biex il-Fondi Ewropej jibdew jgħidu l-istejjer: l-istejjer soċjali, l-istejjer ta’ suċċess, l-istejjer illi jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum u jagħmlu kwalità ta’ ħajja aħjar għan-nies mhux biss fl-aspett infrastutturali imma proprju f’dak li jolqot direttament lin-nies kuljum.”
Huwa temm jgħid li din il-ħidma hija indipendenti minn dik li matul is-snin li ġejjin se tkun qed tara aktar proġetti jiġu implimentati fuq livell nazzjonali, bħal dawk infrastrutturali.