Fil-jum internazzjonali għall-Familja tnediet strateġija li fiċ-ċentru tagħha hemm il-familja.
Din se tkun imsejsa fuq tliet pilastri li jindirizzaw relazzjonijiet diversi f’tipi differenti ta’ familji.
L-ewwel pilastru huwa dak ta’ kif il-ġenituri jaġixxu m’uliedhom. Il-kampanja se tiffoka wkoll fuq l-importanza tan-nanniet fil-familji u kif dawn ma jitħallewx jaqgħu fis-solitudni. Pilastru ieħor huwa d-diversi forom ta’ familji u kif dawn kollha huma parti integrali mis-soċjetà.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat għat-Tisħiħ tal-Familja, Joe Gerada, spjega kif wara li l-pandemija fakkritna fl-importanza tal-familja, inħass il-bżonn li ssir kampanja biex it-tajjeb li nkiseb f’dan iż-żmien, ma jintilifx.
Qal, “Waħda mill-affarijiet li skoprejna erġajna hija, kemm nistgħu nieħdu pjaċir u nferħu anke b’affarijiet żgħar, anke bil-logħob mat-tfal. Din il-kampanja qiegħda tenfasizza dawn l-affarijiet sbieħ li huma aċċessibli għal kulħadd, ma tridx flus biex tixtrihom izda fl-istess ħin huma tant importanti biex il-familja tinżamm unita u tkompli tissaħħaħ.”
Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon stqarr kif filwaqt li l-Gvern jagħti s-sostenn finanzjarju tiegħu lill-familji li jkollhom bżonn, din il-kampanja se sservi ta’ gwida għall-familji biex jiksbu kwalità ta’ ħajja aħjar.
Spjega, “L-għajnuna finanzjarja hija essenzjali imma daqshekk ieħor huwa importanti l-wellbeing emozzjonali u dak soċjali u dak joħroġ mill-familja u huwa importanti li l-familja nagħtuha dak ukoll. Mhux biss sostenn finanzjarju iżda biex ikollha kwalitá ta’ ħajja aħjar.”