Studju tal-Kamra tal-Kummerċ wera li 30 % tal-kumpaniji tal-manifattura f’Malta għandhom mal-1,000 post tax-xogħol battal.
Bil-għan li aktar nies jidħlu f’dan is-settur, il-Gvern permezz tal-Malta Enterprise u l-Kamra tal-Kummerċ Maltija niedew il-kampanja “Make It” li għandha l-għan tħeġġeġ persuni kkwalifikati jibnu karriera f’dan is-settur.
William Wait, iċ-Chairman ta’ Malta Enterprise, qal li fl-aħħar 50 sena, il-manifattura f’Malta rat żvilupp interessanti u llum għandha bżonn ħaddiema ta’ kull tip.
William Wait, iċ-Chairman tal-Malta Enterprise qal: “Il-jobs għall-operators għadhom hemm, imma m’għadhomx pre-dominenti. Illum aktar għandek bżonn xjentisti, designers, nies li jaħdmu fl-innovazzjoni u jaħdmu fil-marketing. Il-manifattura fetħet ħafna bibien għall-karrieri”.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Frank Farrugia, qal li l-kampanja tfasslet wara studju li għamlet il-kamra li wera l-bżonn ta’ mijiet ta’ ħaddiema fis-settur.
Qal li l-kampanja għandha l-għan ukoll li tiffaċilita t-tranżizzjoni bejn il-ħajja ta’ student u l-ħajja fuq il-post tax-xogħol.
Frank Farrugia, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ qal: “Qed naħdmu mal-Malta Enterprise u MCAST biex iż-żgħażagħ ngħinuhom jimirħu fid-dinja. Training huwa available. U hija opportunità għaliex aktar ma jkollna persuni trained aktar nistgħu noffru prodott kumpless għall-esportazzjoni”.
Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li l-manifattura tkopri mal-11% tal-ekonomija Maltija, li bħalissa kapaċi timpjega d-doppju tal-ħaddiema li diġà huma kkwalifikati fiha.
Il-Ministru Chris Cardona qal: “Tista’ tavvanza fil-karriera u fil-grad tiegħek u anke l-paga togħla. M’għadux is-settur li konna naħsbu li kien 30 sena ilu, li kien jispiċċa. Anzi wera li huwa settur reżiljenti ħafna li jagħmel tajjeb għall-ekonomija Maltija”.