‘Start STEM’.
Din hija kampanja li se tkun qed tqabbad iżjed in-namra lejn is-suġġetti tax-Xjenza, t-Teknoloġija, l-Inġinerija u Matematika.
Dawn is-suġġetti huma magħrufin wkoll bħala STEM.
L-Assistenta Direttur taċ-Ċentru tax-Xjenza, Desiree Scicluna Bugeja saħqet li fid-dinja tax-xogħol hemm għatx għal żgħażagħ b’ħiliet marbuta mas-suġġetti xjentifiċi.
Għaldaqstant saħqet fuq l-importanza li t-tfal tal-lum jitħarrġu iżjed fuq is-suġġetti xjentifiċi.
Hija spjegat: “F’dawn is-setturi hemm bżonn, dejjem hemm iktar demand għall-ħaddiema professjonisti u permezz tal-istudji tagħhom, l-istudenti nkunu qegħdin inrawmuhom ikunu l-ħaddiema professjonali mħarrġa u kompetenti tal-futur.”
Barra minn hekk, l-għan ta’ din il-kampanja hija li tħajjar iżjed tfajliet jagħżlu karrieri li kienu kkunsidrati dominanti mis-sess maskili u karrieri lil hinn mill-karrieri tradizzjonali, bħal Software Engineering u l-Intelliġenza Artifiċjali fost oħrajn.
Din il-kampanja tħajjar ukoll lill-edukaturi u għalliema biex jevolvu fil-prattiċi u l-mod tal-assessjar tagħhom sabiex kull student jitgħallem bl-aħjar mod.
Din hija xi ħaġa li saħaq fuqha s-Segretarju Permanenti, Frank Fabri.
Intant il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici tkellem dwar it-tisħiħ tas-settur edukattiv permezz t’anki it-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti xjentifiċi li jgħinu fl-iżvilupp soċjali, ekonomiku u ambjentali.
Il-Ministru Bonnici stqarr: “Aħna fassalna tliet pilastri li fuqhom ħa nibnu l-ħidma tagħna fejn tidħol l-edukazzjoni u x-xjenza biex dan is-settur ikun iżjed relevanti fil-ħajja ta’ kuljum tal-istudenti tagħna u rridu li l-istudenti kollha, mhux il-ġuvintur biss imma anke l-bniet ikunu jistgħu jipparteċipaw f’dan l-aspett tant sabiħ tal-edukazzjoni tagħna.”