B’kollaborazzjoni bejn il-Hospice, il-GreenPak, u l-Project Green, fl-iskejjel primarji u sekondarji kollha madwar pajjiżna, se jkun hemm madwar 900 kontenitur apposta sabiex fihom jintremew il-batteriji. Il-flus li se jinġabru mir-riċiklaġġ ta’ dawn il-batteriji, li se jiġu riċiklati, se jkunu qed imorru f’donazzjonijiet għall-Hospice Malta.
Permezz ta’ din l-inizjattiva l-istudenti se jiġu sensibilizzati aktar dwar ir-rimi tal-batteriji, għax jekk dawn ma jintremewx sew ikunu qed jagħmlu ħsara lill-ambjent.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GreenPak, Mario Schembri, spjega li din l-inizjattiva bdiet fis-sajf li għadda waqt SkolaSajf, iżda issa se tinfirex fl-iskejjel kollha.
“Hija intenzjonata biex l-istudenti jġibu magħhom il-batteries użati, ippoġġuhom fir-reċipjent li se nipprovdu lil kull skola u minn hemmhekk niġbruhom u neħduhom biex nirriċiklawhom.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Hospice Malta Kenneth Delia qal li din l-inizjattiva se tgħin biex aktar nies jifhmu l-ħidma ta’ din l-organizzazzjoni filantropika.
“Nitgħallmu aktar altruwiżmu u kif tista’ tgħin pazjenti li huma fil-bżonn, u allura ngħinu biex meta l-pazjent ikollu bżonn jiġi referit għandna, isir kemm jista’ jkun malajr mingħajr biża’ u dewmien ħalli jinqeda bl-aħjar mod possibbli bis-servizzi tal-Hospice.”
Tkellimna wkoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Project Green Steve Ellul, li qal li l-aġenzija se tkun qed tippremja lil dawk l-iskejjel li l-aktar li se jipparteċipaw.
“Din l-inizjattiva – se nkunu qegħdin fl-element ambjentali tagħhom – se nkunu qed inħaddru dawn l-iskejjel ukoll b’dan il-programm, fejn se nkunu qegħdin naraw illi jitħawlu siġar jew arbuxelli, partikolarment f’dawk l-aktar skejjel illi l-aktar li se jipparteċipaw f’din l-inizjattiva.”