Ftehim, li ntlaħaq bejn l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità u s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, ġiet introdotta sistema ġdida magħrufa bħala Post-Referral Coordination, li se tagħti l-possibbiltà li jiġi żviluppat pjan ta’ kura favur vittmi ta’ reati kriminali.
Dan se jinkludi servizzi speċjalizzati li tkun tista’ toffri l-aġenzija lil dawk li jeħtieġu tali għajnuna wara li jaqgħu vittmi.
Dan mhux biss se jressaq eqreb lill-professjonisti fil-qasam biex ikunu jistgħu jikkonsultaw aktar ma’ xulxin b’mod faċli u jużaw sistema ta’ riferiment komuni, iżda se tfisser ukoll aktar għarfien fl-iskejjel dwar is-servizzi tal-aġenzija u x’tipi differenti ta’ kriminalità jistgħu jseħħu.
B’din il-kollaborazzjoni, l-aġenzija se tkun qiegħda tagħti sapport lill-għalliema u l-ħaddiema fl-iskejjel tal-Knisja, l-istudenti u qrabathom li jispiċċaw vittmi ta’ xi reat kriminali.
Minbarra hekk, l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità se tibda kampanja edukattiva fl-iskejjel fejn permezz tal-professjonisti tagħha se torganizza sessjonijiet ta’ informazzjoni kontra t-tipi differenti ta’ kriminalità li l-istudenti jistgħu jkunu suġġetti għalihom. Is-sessjonijiet se joffru pariri lill-istudenti li se jservuhom fil-ħajja tagħhom meta ffaċċjati b’realtajiet ġodda f’ħajjithom.
Il-Ministru Byron Camilleri tenna li dan hu l-istil ta’ politika li qed tkun adottata, fejn is-servizz jittieħed għand in-nies, bil-ħidma tagħmel differenza fil-kwalità tal-ħajja tal-persuni u familji affettwati.
“Permezz tal-Victim’s Support Agency qed nassistu aktar vittmi. Illum iffirmajna ftehim mal-iskejjel tal-Knisja li, permezz tiegħu, nistgħu nilħqu mhux biss lil dawn l-istudenti, iżda wkoll lill-membri tal-familja tagħhom. B’dan il-mod qed naraw li dawn is-servizzi ta’ diversi minn professjonisti, għall-Pulizija sa persuni li sfaw vittmi ta’ kriminalità, jistgħu jilħqu aktar persuni fis-soċjetà tagħna biex dik in-naqra għajnuna li jirċievu, jkunu jistgħu jagħmlulhom il-ħajja tagħhom li tkun waħda aħjar.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità, Brian Farrugia, qal li l-għan prinċipali ta’ dan il-ftehim hu li tiġi faċilitata l-kollaborazzjoni bejn il-professjonisti psikosoċjali taż-żewġ entitajiet, bl-aħjar pjan ta’ sapport għall-minuri u l-familji tagħhom.
Semma ukoll kif, bl-istess mod, l-iskejjel jistgħu jirreferu ġenituri u adulti oħrajn għas-servizzi offruti mill-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità.
“Wara li nedejna strateġija interna għall-vittmi tal-kriminalità, proprju illum ġejna biex iffirmajna ftehim ieħor, din id-darba mas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, fejn qed nersqu aktar lejn l-isudenti, aktar lejn il-ġenituri u l-professjonisti kollha li jaħdmu fl-iskejjel, biex aħna nkunu wkoll ta’ sapport għal min, xi darba jew oħra, jispiċċa vittma tal-kriminalità. Tajjeb li ngħidu li dan il-ftehim wkoll qed joħloq prevenzjoni permezz ta’ sessjonijiet ta’ tagħrif u sessjonijiet t’għarfien għal kwalità ta’ ħajja aħjar.”