L-aġenzija responsabbli għall-infurzar (LESA) nediet kampanja edukattiva fejn jidħol sewqan.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet lejliet bidu ta’ sena skolastika ġdida, is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li r-raġuni wara dan il-ħsieb huwa li jkun hawn sewwieqa iktar eżemplari, li jirrispettaw l-liġijiet tat-traffiku u jgħinu sabiex jonqsu l-inċidenti stradali.
Raymond Zammit, Kap Eżekuttiv ta’ LESA, qal li kemm ilha mwaqqfa l-aġenzija, ma naqas qatt il-moniteraġġ fejn jidħol traffiku. L-ammont ta’ vetturi fit-toroq ilaħħaq it-350,000.
Qed jiġu rrapurtati mat-30 ħabta meqjusa żgħar kuljum u sfortunatament ħabtiet akbar li qed iħallu anke’ imwiet.
Zammit qal li bl-għajnuna tal-gwardjani lokali jixtieq li jkomplu jedukaw il-pubbliku. Permezz ta’ ‘pubbliku’ irrefera kemm ghas-sewwieqa kif wkoll ghall dawk in-nies li ma jsuqux izda jużaw it-toroq, fosthom tfal u anzjani.
Għal bidu ta’ din il-kampanja edukattiva se jkunu t-tfal stess li jwaslu messaġġ favur sewqan aktar responsabbli. Il-kampanja edukattiva ser tkun immirata lejn diversi faxex tas-soċjetà, inkluż studenti tal-Università u l-MCAST kif wkoll dawk is-sewwieqa li ta’ kuljum juzaw it-toroq. Se jsir wkoll bil-kooperazzjoni tal-Korp tal-Pulizija u tal-Kunsilli Lokali fil-lokalitajiet ta’ Malta u Ghawdex.
“Nixtiequ li ż-żgħazagħ, speċjalment dawk li għadhom kif ġabu l-liċenzja, jikkonsidraw ruħom bħala beginners u mhux experts” qal Zammit, filwaqt li rrefera għall-importanza li wieħed ma jsuqx b’veloċità eċċessiva.
LESA qed tipprovdi taħrig kontinwu lil gwardjani lokali li jaħdmu fit-toroq biex ikunu t’ eżempju għas-sewwieqa u fejn hemm bżonn tinġibed l-attenzjoni, bl-intenzjoni li jedukaw imbagħad tiġi nfurazata l-liġi jekk ikun hemm bżonn.
Ħeġġeġ lil pubbliku biex fejn ma jafx, jistaqsi.