Wara l-appell li għamlet Transport Malta biex dawk li sejrin lejn id-Dwejra bid-dgħajsa jew xi opra tal-baħar jieħdu ħsieb u joqgħodu ‘l bogħod mit-tieqa hekk kif rapporti riċenti qed jbassru li l-istruttura naturali mill-isbaħ jista’ jkun qiegħda fil-periklu li tikkrolla, l-Awtoritá tat-Turiżmu ħarġet stqarrija dwar kampanja li se tkun qed tagħmel f’dan ir-rigward.
L-Awtoritá tat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-Kumitat tad-Dwejra, l-Assoċjazzjoni għat-turiżmu f’Għawdex u Nature Trust Malta, qed jieħdu passi biex jiżdied l-għarfien dwar il-bżonn li tiġi protetta it-tieqa tad-Dwejra. L-għan ewlieni huwa li l-pubbliku, t-turisti kif ukoll dawk il-Maltin u Għawdxin li jżuru din it-tieqa ma jkomplux jagħmlu aktar ħsara, wara li minkejja t-twissijiet xorta waħda jagħżlu li jimxu fuq din il-ġawra naturali.
Fi stqarrija l-MTA ddeskriviet din it-tieqa bħala waħda ikonika għal pajjiżna u li bosta turisti japprezzaw. L-Awtoritá kompliet tispjega li t-tieqa tad-Dwejra hija esposta għall-elementi kollha, speċjalment fix-Xitwa. Minkejja li r-riskju li din tikkrolla mhuwiex wieħed imminenti, xorta waħda ħadd ma jista jbassar b’ċertezza meta dan jista’ jiġri.
L-MTA appellat lil pubbliku, biex jifhmu li minkejja li meta persuna waħda timxi fuq din it-tieqa l-effett ambjentali huwa minimu, dan ma jkunx il-każ meta l-istess effett jagħmluh mijiet ta’ persuni kuljum.
L-Awtoritá se tkun qed tmexxi kampanja biex jiżdied l-għarfien dwar is-sitwazzjoni preżenti, biex tappella lil pubbliku biex jieqaf jimxi fuq it-tieqa tad-Dwejra. Fl-istqarrija żiedet li din għandha tiġi protetta biex tkun tista titgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-futur.
F’ din il-kampanja l-MTA se tkun qegħda:
- Iżid u tirranġa t-tabelli li diġa hemm
- Tikteb informazzjoni ta’ tagħrif fuq visitmalta.com kif ukoll fuq il-midja soċjali
- Tqassam fuljetti ta’ appell u informazzjoni fil-vjaġġi tal-Gozo Channel, kowċis, karozzi mikrija
- Tinstalla ‘web cams’ fiż-żona għal monitoraġġ akbar