L-Istitut għall-Accountants f’Malta nieda kampanja ta’ għarfien għal studenti fl-iskejjel sekondarji biex toffri l-informazzjoni kollha dwar il-professjoni ta’ Accountant. Dan fl-istess ħin se jindirizza ċertu domandi jew nuqqasijiet li l-istudenti jista’ jkollhom dwar dan it-tip ta’ xogħol. Dan b’sessjonijiet virtwali fl-iskejjel immexxija mill-Istitut stess, u b’kollaborazzjoni ma’ professjonisti stabbiliti fil-qasam.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut, Maria Cauchi Delia, spjegat li d-domanda għas-servizzi ta’ accountant żdiedet madwar id-dinja filwaqt li n-numru ta’ professjonisti f’Malta baqa’ stabbli.
Hija stqarret: “Irridu nispjegaw li hija professjoni li toħloq opportunitajiet differenti u anke fejn inti tista’ tispeċċjalizza fi rwoli differenti. Hija professjoni fejn wieħed se jkollu kuntatt man-negozji u allura se jkollu rwol attiv kemm għan-negozji kkonċernati imma wkoll għall-ekonomija. Irridu nkunu ċerti li qed nattiraw nies b’abbiltajiet, b’valuri neċessarji biex ‘il quddiem ikun investiment ukoll għal pajjiżna.”
Preżenti għat-tnedija tal-kampanja kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, li qalet kif l-idea għall-kampanja nibtet propju f’laqgħa li l-Ministeru kellu ma’ rappreżentati mill-Istitut.
Hija qalet, “L-istudent irid jiġi attirat lejn professjoni. Meta inti għandek daqshekk domanda, irridu nispjegaw l-opportunitajit li toffri professjoni partikolari. Is-settur edukattiv hekk irriduh. Li jidderiġi lill-istudent biex ikollu karriera imma jkollu opportunitajiet ukoll ta’ progress fil-karriera.”