Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta ngħaqdet mal-Għawwiem Malti Neil Agius f’kampanja ta’ tindif kemm fuq l-art u anke fil-baħar. Is-Sibt bosta voluntiera u bugħaddasa ngħaqdu flimkien u ġabru għadd ta’ skart fejn il-moll ta’ Buġibba.
Din il-kampanja tal-Unjoni Ewropea se ssir fuq għadd ta’ ġimgħat u hija maħsuba biex tipprovdi għarfien akbar dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, jew kif magħruf aħjar bħala l-Green Deal.
“Qed nagħmlu attività bħala clean-up, fejn qed niġbru plastik u ħmieġ minn fuq l-art kif ukoll mal-baħar. Dawn l-inizijattivi huma importanti ħafna mhux biss biex niġbru l-plastik imma anke biex inġibu l-komunità flimkien.”
Dr Elena Grech, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea, enfasizzat dwar kemm hi f’waqtha l-kampanja u rreferiet għar-rimarki riċenti tal-President Von der Leyen dwar l-impenji ambjentali tal-Kummissjoni.
“Din hija amibzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex sal-2050 il-kontinent Ewropew isir ħieles mill-karbonju, iġifieri dawk l-emmissjonijiet kollha li nipproduċu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum jiġu kompensati b’miżuri li nadattaw ruħna għalihom.”
Il-Gvern Malti wkoll qed jagħti sehmu sabiex jintlaħqu l-miri ambjentali, kif sostna wkoll il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia.
“Il-European Green Deal qiegħed hemmhekk biex jgħin lil Malta kif ukoll lill-Membri Stat l-oħra jagħmlu t-tranżizzjoni ekoloġika mistennija minna. Permezz ta’ finanzi imma wkoll miri ambizzjużi kemm fl-ambjent kif ukoll f’din it-tranżizzjoni ekoloġika fen tidħol enerġija, trasport u industriji oħra.”
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalet kif kulħadd jista’ jagħti sehmu u jkun parti minn din il-bidla.
“Huma l-bidliet żgħar fil-ħajja tagħna, l-affarijiet żgħar li nistgħu nagħmlu ta’ kuljum li finalment jistgħu jgħinu biex inkunu qegħdin nilħqu l-mira tagħna, dik li jkollna ekonomija dikarbonizzata sas-sena 2050.”