Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes ħabbar investiment ta’ €600,000 f’kampanja ta’ apprezzament tal-kultura tal-inbid lokali.
L-għan tal-kampanja hu li aktar Maltin u Għawdxin jagħżlu nbejjed ta’ kwalità u li japprezzaw ir-rabta bejn l-art u t-territorju, liema rabta teżisti fl-inbejjed ta’ Malta. Dan se jkun l-iskop ta’ din il-kampanja. L-inbid hu parti mill-kultura u mit-tradizzjoni ta’ pajjiżna u hu l-obbligu tagħna li nżidu l-għarfien dwar kif isiru l-inbid u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu biex b’hekk titjieb l-attitudni tal-pubbliku lejn il-produzzjoni tal-inbid.
Għaldaqstant il-Gvern se jgħin fl-organizzazzjoni ta’ din il-kampanja dinamika u varjata permezz ta’ pubbliċità fuq it-televiżjoni, ir-radju, fit-toroq, u fuq il-media soċjali. “Barra minn hekk qed naħsbu biex issir festa ta’ wine testing u diversi open days f’ċentri tal-inbejjed lokali”, qal Roderick Galdes.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari spjega li bħalissa f’pajjiżna għandna erbatax-il kumpanija kummerċjali rreġistrata biex tipproduċi l-inbid – disgħa f’Malta, u ħamsa f’Għawdex. Minn dawn, għaxar kumpaniji huma rreġistrati biex jipproduċu nbejjed ta’ kwalità identifikati b’tabella safra bħala ‘Produzzjoni ta’ Oriġini Kontrollata’ (DOK), filwaqt li l-inbejjed b’tabella ħadra huma ċertifikati bħala ‘Indikazzjoni Ġeografika Tipika’ (IĠT).
Mit-tnedija tal-iskema kien hemm żieda fil-produzzjoni ta’ nbejjed lokali. Fis-sena 2008, il-produzzjoni ta’ DOK u ta’ IĠT kienet biss ta’ 36%, filwaqt li sas-sena 2013 il-produzzjoni telgħet għal 95%.
Roderick Galdes ikkonkluda li “permezz ta’ din il-kampanja għandna nassiguraw futur isbaħ għall-industrija tal-inbid għax nemmnu li b’din il-kampanja ta’ apprezzament il-konsumatur qiegħed f’pożizzjoni aħjar li jagħżel u japprezza nbejjed ta’ kwalità”.