F’pajjiżna tnediet l-ewwel kampanja nazzjonali għat-tibdil fil-klima bl-isem ta’ #ClimateOn, sabiex ssir bidla lejn ħajja iżjed sostenibbli.
Din il-kampanja se tkun ibbażata fuq tliet pilastri ewlenin, dawk tal-għarfien, tal-edukazzjoni u t-twassil tal-informazzjoni, fejn se jkunu qed isiru bosta seminars u programmi għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-adulti.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia, waqt konferenza virtwali fejn saħaq li t-tibdil fil-klima jaffettwa ħajjitna.
Qal li fl-aħħar tliet snin, l-Gvern Malti ħa diversi inizjattivi sabiex jiġu implimentati strateġiji ambjentali differenti.
Fost l-oħrajn semma kif is-sena l-oħra tħawlu 21,000 siġra u fl-ewwel kwart ta’ din is-sena diġà tħawwlu 5,000 oħra.
Saħaq li pajjiżna għandu bżonn inaqqas l-emmissjonijiet tal-karbjonu b’19%.
Qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-pajjiżi biex jiġu ffissati miri aktar ambizzjużi fejn l-emissjonijiet jonqsu anki b’55%.
“Fuq kollox il-miri li għandna quddiemna għal zero karbonju sal-elfejn u ħamsin huma ambizzjużi ħafna. Bħala gvern qegħdin naħdmu fuq is-sinerġija li ħa nniedu fil-ġimgħat li ġejjin biex b’hekk nimxu lejn din il-mira iżda jeħtieġ u neħtieġu l-azzjoni kollettiva ta’ kullħadd.”
Fakkar kif waqt il-pandemija kien hemm diversi skemi sabiex industriji differenti jaqilbu l-operat tagħhom li jħammeġ inqas fosthom anki bl-użu ta’ inġenji u vetturi tal-kostruzzjoni li jħammġu inqas.
Il-Ministru Aaron Farrugia semma wkoll li f’Ottubru ta’ sentejn ilu, il-Parlament b’mod unanimu għadda mozzjoni li biha ddikjara emerġenza klimatika filwaqt li erba’ snin qabel kien fost l-ewwel minn ftit pajjiżi li daħħal qafas leġislattiv dwar it-tibdil fil-klima