B’tema favur il-konservazzjoni tal-ilma, l-Msida Sea Scouts flimkien ma erba’ gruppi ta’ sea scouts barranin organiżżaw kamp permezz ta’ fondi mill-programm Erasmus.
Waqt dan il-kamp li qed jiġi mtella fil-campsite tal-iscouts f’Għajn Tuffieħa, t-tfal qed ikollhom opportunita li jitgħallmu aktar dwar l-ekosistemi differenti tal-ibħra tagħna kif ukoll dwar metodi kif nistgħu inżommu l-baħar aktar nadif.
Waħda mill-organiżżaturi tal-Msida Scout Group spjegat kif l-għan ta’ dan il-kamp huwa li jkabbar mentalità dwar l-importanza tal-ekoloġija tal-ibħra tagħna u jgħallmu lit-tfal kif għandhom ikunu l-bidla pożittiva f’dan il-qasam. L-iskart mormi illegalment fil-baħar fosthom ammonti ta’ fliexken tal-plastik u materjal tas-sajd qed iħallu ħerba fl-ekoloġija tal-baħar minħabba li dan l-iskart qed jiġi ikkunsmat mill-ħut u annimali oħra li jgħixu taħt l-ilma.
Waqt żjara f’dan il-kamp l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca laqgħet din l-inizjattiva u qalet li opportunitajiet bħal dawn huma importanti ħafna hekk kif it-tfal tal-lum huma l-mexxejja tal-futur. Hija rringrazzjat il-mexxejja tal-iscouts li b’mod volontarju joħolqu dawn l-opportunitajiet sabiex irawwmu ġenerazzjonijiet ta’ tfal b’valuri aktar sodi.