Iddrisu Faisal, is-suspettat ewlieni tal-qtil doppju fil-Marsa fil-15 ta’ Ottubru li għadda, deher ħiereġ minn fuq ix-xena tad-delitt, b’żaqqu barra, iġorr ħadida f’idu, ixejjer idejh u jgħajjat Allahu akbar.
Dan intqal waqt seduta oħra fil-kumpilazzjoni tal-provi tar-raġel ta’ 34 sena mill-Ghana mixli li qatel lil Joseph Bartolo ta’ tlieta u sebgħin sena u Carmen Abela ta’ sitta u ħamsin sena b’daqqiet ta’ mqass, fejn il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Wayne Camilleri xehed li Faisal deher jagħmel dan f’filmati li nġabru mill-kameras tas-sigurtà barra r-razzett li fih kienu jgħixu għadd ta’ immigranti.
Fil-Qorti ħareġ ukoll li dakinhar ġar li kien qed inaddaf il-gaġeġ tal-għasar fuq il-bejt tar-residenza tiegħu faċċata ta’ fejn seħħ il-qtil, sema’ l-għajjat u kien hu li ċempel lill-Pulizija. Huwa xehed li lemaħ lir-raġel jsabbat il-bieb b’ħadida f’idu.
Intant fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Camilleri qal li fuq il-post waslu l-ewwel il-Pulizija tal-Kavallerija u raw liż-żewġ vittmi mal-art, wiċċhom ‘il fuq f’għadira demm.
Fost id-dettalji li ngħataw waqt ix-xhieda, ġie żvelat li fil-kamra tal-akkużat fuq siġġu maġenb is-sodda tiegħu, instabu passaporti tal-Ghana u ieħor Taljan skadut, karta tal-identità Taljana u permess ta’ residenza Taljan, u madwar €1,000 fi flus kontanti.
Camilleri spjega wkoll li Carmen Abela, ċemplet lill-Pulizija biex tirrapporta li hi u s-sieħeb tagħha, Joe Bartolo, kienu qed jiġu attakkati minn raġel li kien wara l-bieb.
Fl-isfond ta’ din it-telefonata beda jinstema’ għajjat fosthom minn Abela tgħid il-kliem “itlaq” lill-akkużat, però wara ftit waqgħet il-linja.
F’seduta preċedenti xehdu wkoll żewġ immigranti li kienu joqgħodu fl-istess kerrejja fejn sostnew li Iddrisu kien sikwit jiġġieled mal-vittma minħabba l-kera.
Wieħed mill-immigranti, sostna li Bartolo darba kien talab lill-akkużat sabiex jieħu flusu u jitlaq ’il barra, hekk kif qal li ddispjaċih li daħħlu f’daru.