Il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Kamala Harris, talbet għal projbizzjoni fuq l-armi tal-assalt, li jintużaw fi sparaturi tal-massa, fid-dawl ta’ żewġ każijiet fatali fl-Amerka li ħallew diversi vittmi fl-aħħar jiem.
Kamala Harris qalet dan waqt il-funeral ta’ anzjana li nqatlet f’ħanut tal-merċa f’Buffalo fl-erbatax ta’ Mejju.
Dan il-każ seħħ għaxart ijiem biss qabel attakk fi skola primarja f’Texas, li ħasad il-ħajja ta’ dsatax-il tifel u tifla u żewġ għalliema.
Harris semmiet dawn iż-żewġ attakki u oħrajn fil-passat riċenti u qalet li wasal iż-żmien li ngħidu daqshekk għall-vjolenza bl-armi.
Hija qalet li s-soluzzjoni hija ċara u tinkludi affarijiet bħall-projbizzjoni fuq l-armi tal-assalt u kontrolli fuq il-kondotta tal-individwu.