Joe Biden għadu kif ħabbar li s-Senatur Kamala Harris se tkun qed ittellaq miegħu fl-elezzjoni Presidenzjali Amerikana bħala l-kandidata għal Viċi President tal-Istati Uniti. Harris kienet fost in-nisa li bdew jissemmew li Biden kellu jagħżel biex tkun ta’ spalla miegħu fl-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru li ġej.
Is-Senatur ta’ Kalifornja tista’ tkun l-ewwel Viċi President ta’ karnaġġjon skur tal-Amerka. Hija diġà pruvat tirbaħ in-nominazzjoni tal-kamp Demokratiku għall-elezzjoni Presidenzjali iżda f’Diċembru li għadda kienet irtirat mill-elezzjonijiet primarji.
Il-kandidat Demokratiku Joe Biden jinsab fuq quddiem skont stħarriġ tal-opinjoni pubblika. Donald Trump se jkun qed jerġa’ jtellaq fl-elezzjoni Presidenzjali f’isem il-kamp Repubblikan. Miegħu se jkollu lil Mike Pence li diġà huwa l-Viċi President tal-Istati Uniti.
Il-poplu Amerikan mistenni jagħżel President għall-erba’ snin li ġejjin fit-3 ta’ Novembru.
I have the great honor to announce that I’ve picked @KamalaHarris — a fearless fighter for the little guy, and one of the country’s finest public servants — as my running mate.
— Joe Biden (@JoeBiden) August 11, 2020