Żgur rajtuha fuq il-midja soċjali fl-aħħar ġimgħat. Kamala Harris bħal donna kienet in-nifs li t-tellieqa presidenzjali fl-Istati Uniti kellha bżonn biex tersaq aktar viċin in-nies. Dan l-istazzjon tkellem ma’ Dinah Lee Seguna, li qed issegwi studji avvanzati fid-Diplomazija u r-Relazzjonijiet Internazzjonali, dwar l-impatt li qed tħalli Harris fuq il-kampanja.
Bdejna mill-ovvju…
Seguna qalet kif “Kamala Harris hija l-ewwel nominat għal din il-kariga li hija mara ta’ karnaġġjon skur, u dak l-aspett jattira grupp ta’ minoranzi li taħt l-amministrazzjoni Trump ingħataw il-ġenb.”
Staqsejna wkoll kif il-karattru pjuttost relatabbli ta’ Harris jikkuntrasta ma’ dak ta’ Joe Biden, il-proponut għal President Demokratiku tal-Istati Uniti.
Hi kompliet tgħid li “Biden kellu karriera vasta. Għamel tmien snin fl-amministrazzjoni ta; Barack Obama bħala Viċi President tal-Istati Uniti. Min-naħa l-oħra għandek dik ix-xi ħaġa li ħalla lil Barack Obama: l-inklussività. U issa ressqulek xi ħaġa bħan-nomina ta’ Kamala Harris.”
Seguna spjegat kif il-Partit Demokratiku Amerikan issa qed iħaddan l-istess riċetta li kienet ġabet suċċess lil Barack Obama.
“Min-naħa l-oħra, nazzarda ngħid li bin-nomina ta’ Kamala Harris, għandek simbolu tal-legat li xtaqet tħalli l-amministrazzjoni ta’ Obama. Nemmen ukoll li bla ma trid qed tinstiga ċertu bidla fil-Partit Demokratiku, u qed ikun partit aktar inklussiv.”
Spjegat għalfejn in-nomina ta’ Harris niżlet tant tajjeb mal-poplu Amerikan. “Trid tħares lejn il-karriera li għandha. Din biss biss hi avukat, prosekutur u magħrufa ħafna għal każijiet li resqet hi stess. Barra minn hekk, hija l-Avukat Ġenerali għall-Istat ta’ Kalifornja, u hemm diġà għandek persuna li diġà ‘telgħet it-taraġ’ tal-politika tal-Istati Uniti.”
Fuq kollox, Seguna temmet tinnota wkoll li Kamala Harris tista’ tgħid introduċiet kunċett frisk u kurjuż fil-politika Amerikana. Dan għaliex “għad mhemmx indikazzjoni ta’ jekk tappartjenix mal-moderati, mal-progressivi, jew l-idealisti, allura qed naraw bidla mill-aspett ideoloġiku għal politiku li għandu ideat, u ideat b’saħħithom ħafna.”