Il-Viċi President Amerikana, Kamala Harris, hi l-favorita biex tkun il-kandidata presidenzjali tal-Partit Demokratiku Amerikan, wara li l-Ħadd filgħaxija l-President Joe Biden irtira mit-tellieqa kontra l-kandidat Repubblikan Donald Trump fl-elezzjoni Presidenzjali, li se ssir aktar tard din is-sena.
Minkejja li sa ftit tal-jiem qabel kien għadu jtenni li “Alla biss jista’ jwaqqfu mill-kandidatura, il-Ħadd Biden qal li d-deċiżjoni li jirtira se tkun fl-aħjar interess tal-Partit Demokratiku u tal-pajjiż, waqt li se jkompli jokkupa l-kariga Presidenzjali tiegħu għall-aħħar sitt xhur tal-mandat.
Min-naħa l-oħra, hu ta l-appoġġ lill-Viċi tiegħu Harris biex, f’età ta’ disgħa u ħamsin sena, teħodlu post. Biden ressaq isimha għan-nomina l-ġdida Demokratika, b’għadd ta’ membri prominenti fil-Partit, bħal Pete Buttigieg, li għandu dixxendenza Maltija, ukoll jesprimu l-appoġġ tagħhom għaliha.
Harris qalet li se taħdem qatigħ biex tikseb u tirbaħ in-nomina għall-kandidatura presidenzjali u tagħmel dak kollu li hu fis-setgħa tagħha biex tgħaqqad lill-Amerikani f’rebħa kontra Trump.
Fuq il-mezzi soċjali tiegħu, Trump qal li, wara l-prestazzjoni diżastruża ta’ Biden, se jkollhom jibdew kollox mill-bidu. F’botta diretta, Trump qal li jaf għada Biden iqum u jaħseb li għadu parti mit-tellieqa. S’issa fost id-diversi kummenti li għadda, Trump naqas milli jsemmi lil Kamala Harris.
Fi stqarrija fejn ħabbar l-irtirar tiegħu, il-President Amerikan kiteb li kien tal-akbar unur f’ħajtu li jservi lill-poplu Amerikan. Dan l-iżvilupp seħħ wara xhur ta’ spekulazzjonijiet dwar l-età u s-saħħa fiżika ta’ Biden, biex iservi għal erba’ snin oħra.