“Kalmi u sodi nġibu aktar bidliet bis-saħħa tiegħek… bis-saħħa tal-vot tiegħek fit-8 ta’ Ġunju”.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela t-Tlieta filgħaxija quddiem folla mill-isbaħ f’Ħaż-Żebbuġ, hekk kif irrimarka li t-tmienja ta’ Ġunju se tkun il-ġurnata biex dak li ksibna, jibqa’, iżda aktar minn hekk dak miksub irid jixprunana għal aktar kisbiet.
Fil-fatt, fid-diskors tiegħu, Dr Abela elenka wħud minn dawn il-kisbiet hekk kif sostna li l-Partit Laburista jibqa’ l-moviment tal-bidla, li jġib bidliet soċjali u progressivi.
Semma, fost oħrajn, l-emendi fil-liġi tal-IVF, li wasslu biex aktar persuni jsiru ġenituri f’pajjiżna stess. Dan flimkien ma’ bidliet favur persuni LGBTIQ+, li wasslu biex llum kulħadd jista’ jħobb lil min irid.
Il-Mexxej Laburista semma wkoll riformi oħrajn li wettaq Gvern Laburista, bħall-iskema New Hope biex persuni li kellhom kundizzjonijiet mediċi serji, setgħu jsiru sidien ta’ darhom.
Dan b’kuntrast ma’ żminijiet preċedenti fejn l-industrija finanzjarja ma kinitx tagħtihom self finanzjarju fuq proprjetà.
“Għamilna skema llum għal dawn il-persuni fejn il-Gvern jidħol garanti għal dawn il-persuni u illum dik l-aspirazzjoni tagħhom qiegħdin jiksbuha. Sal-lum kellna ħmistax-il persuna illi ftaħnilhom dak il-bieb taħt din l-iskema. Il-bieb tad-dar imma aktar minn hekk il-bieb tal-futur tagħhom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Semma wkoll l-iskema tal-Equity Sharing, li tgħin lil dawk li quddiem realtajiet ta’ persuni li jisseparaw aktar tard fil-ħajja, il-Gvern qiegħed jidħol bi sħab magħhom biex din ikollhom post fejn jgħixu minħabba li jsir iżjed diffiċli li jiksbu self mill-banek.
“Il-Gvern jidħol magħhom sħab biex ikunu jistgħu jixtru l-proprjetà tagħhom. Skema tal-equity sharing li minnha bbenefikaw s’issa 250 persuna skorruti, kemm biddilna għalhekk għall-pożittiv il-ħajja ta’ tant persuni f’dawn l-aħħar snin u dan kollu tafu bis-saħħa ta’ min? Bis-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Iva, bis-saħħa tiegħek, bil-vot tiegħek.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Mexxej tal-Partit Laburista spjega wkoll kif it-tim ta’ kandidati mġedded f’Ħaż-Żebbuġ irid ikompli jibni fuq il-ħafna tajjeb li sar u appella biex il-votant f’Ħaż-Żebbuġ jivvota għall-kandidati Laburisti kollha li qed jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali fil-lokalità.
Il-Prim Ministru fisser kif, fuq in-naħa l-oħra, hemm Oppożizzjoni li hi maħnuqa minn establishment konservattiv, li titkellem fuq il-gwerra, iżda xogħol il-politiku hu li jġib l-għaqda, li jisma’ lin-nies u jimplimenta.
“Qed jagħmlu dan biex jippruvaw itellfu lil dan il-moviment, imma nagħtikom il-kelma tiegħi illi sħabi hawnhekk, sħabi kollha u jien kalmi, kalmi iżda sodi. Mela ilqgħu s-sejħa tiegħi, ibqgħu kalmi, ejja nibqgħu niddiskutu u nimplimentaw il-proposti għax dan huwa l-moviment li jemmen f’kull wieħed u waħda minnkom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela