It-tim mit-tielet diviżjoni Kalkara Flames wettaq waħda mill-akbar sorpriżi għal dan l-istaġun wara li elimina lil-leaders tal-Ewwel Diviżjoni Swieqi Braves hekk kif intlagħab ir-round preliminari tan-Next Auto Car Sales Ltd KO. It-tim mill-Kalkara kienu ferm dixxiplinati tul il-logħba kollha fejn iddefendew tajjeb filwaqt li bdew itellgħu xi kontrattakki. Minkejja d-differenza fil-kategorija huma żammew tajjeb lit-tim ferm iktar ikkwotat minnhom u ħarġu bil-kwalifikazzjoni minn din il-partita. Kalkara Flames marru minn fuq fl-24 minuta permezz ta’ Neil Sammut li ħa vantaġġ minn rebound sabiex xeħet il-ballun ġewwa. Swieqi ġabu l-iskor indaqs ftit sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima wara freekick ta’ Luigi Pereira Koga.
Fit-tieni taqsima, Kalkara baqgħu konsistenti u rnexxielhom jiskorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa meta wara clearance tal-goalkeeper tagħhom Yandrick Cassar, il-ballun wasal għand Luke Cachia li b’daqqa ta’ ras illobbja minn fuq Erick Vital. Fi tmiem il-konfront kien ġustifikat il-ferħ tal-plejers u diriġenti ta’ Kalkara Flames wara din ir-rebħa sorprendenti. Referee kien Alex Grech.
Tim ieħor tal-Ewwel Diviżjoni safa’ eliminat ukoll hekk kif Attard Edex Kings għelbu lil Balluta Barracudas 5-2 wara l-għoti tal-penalties. Attard bdew il-logħba bl-aqwa mod possibbli hekk kif marru fil-vantaġġ minn Audu Clement Oshake sabiex fit-tieni taqsima waslet ir-reazzjoni tal-Cudas li ġabu l-iskor indaqs minn Anthony Bartolo. Bil-logħba li ntemmet fi draw ta’ 1-1, il-konfront mar għall-għoti tal-penalties fejn Attard skorjaw erba’ gowls kontra l-uniku gowl ta’ Balluta. Attard Edex Kings issa jaffrontaw lil San Ġwann Pro Evolution Academy fit-tieni round il-ġimgħa d-dieħla. Referee kien Lorry Sammut.
Ta’ Ġiorni Wanderers irreġistraw l-ikbar rebħa tal-ġurnata meta għelbu lil Ħamrun Amateurs 4-0. Il-Wanderers skorjaw gowl f’kull taqsima sabiex aċċertaw ruħhom mill-kwalifikazzjoni tagħhom u l-passaġġ għall-kwarti tal-finali. Samuel Barthet, Luke Gatt, Edward Micallef Stafrace u Liam Caruana Montalto skorjaw il-gowls l-aktar importanti għal Ta’ Ġiorni. Referee kien Peter Abela.
Buġibba Club de SWAT għelbu lil Gudja Wanderers 2-1 f’logħba inċerta sal-aħħar. Wara li ebda tim ma żblokka s-sitwazzjoni fl-ewwel taqsima, fit-tieni 35 minuta Kirandas Kholatiparambil poġġa lil Buġibba Club de SWAT minn fuq sabiex Shibin Malikeyyal irdoppja l-iskor. Dylan Zammit żamm it-tamiet ta’ Gudja ħajjin sal-aħħar meta naqqas il-marġni tal-iskor għalkemm kien tard wisq biex isalvaw is-sitwazzjoni. Referee kien Matthias Buttigieg.
Senglea Gunners kellhom imorru għall-għoti tal-penalties sabiex eliminaw lil Mqabba Albions 4-2. Wara li fil-ħin regolamentari ż-żewġ difiżi kienu protagonisti u l-iskor baqa’ ma nfetaħx, fl-għoti tal-penalties, it-tim mill-Isla kien aktar preċiż fejn skorja żewġ gowls aktar mill-Imqabbin. Referee kien Reno Galea.