Jekk hemm xi ħaġa li tiġġenera l-iskart, hija l-industrija tal-moda u l-ħwejjeġ li nilbsu.
Mill-100 biljun ilbies li jiġi prodott madwar id-dinja ta’ kull sena, 92 miljun tunnellata jispiċċaw fil-miżbliet. Biex inpoġġu l-affarijiet f’perspettiva, dan ifisser li l-ekwivalenti ta’ trakk taż-żibel mimli ħwejjeġ jispiċċa f’miżbla kull sekonda.
Huwa għalhekk li s-sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina ikkollabora mal-WasteServ u fil-Ġimgħa Ewropea għat-tnaqqis tal-iskart ħareġ b’inizzjattiva fejn ingħataw il-ħwejjeġ b’xejn.
Mis-Sibt 19 sal-Ħadd 27 ta’ Novembru, kulħadd seta’ jmur jagħżel li jrid u kemm irid ħwejjeġ assulutament b’xejn, li ngħataw min-nies stess bħala donazzjoni. B’hekk dawn il-ħwejjaq baqgħu jintużaw u ma spiċċawx saru skart.
Is-Sindku Wayne Aquilina issa ħabbar li din l-iniajzattiva se tibqa’ miftuħa għal aktar żmien, sat-tieni jum ta’ Diċembru. Min għandu bżonn ħwejjeġ tan-nisa, rġiel, tfal u anke trabi, jista’ jżur iċ-ċentru bejn it-8am u nofsinhar, fi Triq l-Isptar Navali, il-Kalkara.