Loreto Cauchi, Carmela Brincat, Dun Joseph Mizzi u Giuseppe Aquilina huma fost il-Maltin u l-Għawdxin li fl-elf disa’ mija u wieħed u għoxrin applikaw għall-passapport biex isiefru għal skopijiet ta’ xogħol jew vaganza.
Kollha bi stejjer parikolari li esponew l-istorja Maltija ta’ mitt sena ilu.
Għal dan, l-Arkivju Nazzjonali flimkien mal-Aġenzija Identity Malta, ħarġu kalendarju għall-elfejn tnejn u għoxrin bi tnax-il applikazzjoni għal passaport ta’ individwi jew familji.
Kalendarju li bla ma jrid iġagħlek tixtarr fuq kif kienu jgħixu l-antenati tagħna fil-passat u anke jiftaħ tieqa interessanti fuq is-soċjetà Maltija f’dawk iż-żminijiet, meta l-Maltin kienu meqjusa bħala sudditi Ingliżi.
Wara konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie mniedi dan il-kalendarju, OME News tkellem ma’ rappreżentant tal-Arkivju Nazzjonali fejn spjega x’sabu meta kienu qed jagħmlu r-riċerka.
Qal, “Aħna ppruvajna nagħżlu ritratti li juri minn xiex kienet għaddejja Malta mitt sena ilu u fil-fatt hemm Maltin li qed isiefru, biex jemigraw lejn l-Amerika għax l-Awstralja ma tantx kienu qed imorru dak iż-żmien, Maltin li kellhom il-problema kif tikteb il-Maltin, Maltin li kienu qegħdin fi trade unions, Maltin li twieldu barra minn Malta u wkoll refuġjati li ġew lejn Malta li ħarbu mir-revoluzzjoni Russa.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat semma kif kuljum, Identità Malta tirċievi mija u tletin aplikazzjoni għal passaport ġdid, jiġifieri ħamsa u erbgħin elf fis-sena.
Spjega, “Tajjeb li aħna nippreservaw dak li jagħmilna Maltin, mill-mument li kienet litteralment biċċa karta mitwija fi tmienja, illum għandna wieħed mill-iżjed passaporti siguri u teknoloġikament avvanzat fid-dinja.”
F’messaġġ li bagħat, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera qal li kull ritratt jgħid narrattiva twila ta’ esperjenzi, li rridu nżommuhom b’għożża għal ġenerazzjonijiet futuri.
Identity Malta se tqassam ammont limitat ta’ kopji lil min japplika għal passaport ġdid u se tagħmel il-kalendarju disponibbli online.