Għall-kuntrarju ta’ dak li ġie rrappurtat, il-parroċċa m’għandha l-ebda intenzjoni li tiftaħ ristorant fuq il-bejt tal-knisja.
Qalet dan il-Kurja fi kjarifika għal artiklu li deher fil-midja bit-titlu ‘Restaurant proposed on top of Paola parish church’.
Il-Kurja qalet li l-intenzjoni hi li tintuża kamra f’wieħed mill-kampnari eżistenti u fiha jkun hemm kafetterija żgħira għall-parruċċani u l-viżitaturi.
L-imwejjed u s-siġġijiet se jitpoġġew barra iżda mhux se jiżdiedu strutturi oħra. Mhux se jkun hemm impatt negattiv fuq il-valur estetiku tal-knisja.
Intqal kif inizjattivi simili ġa saru fi knejjes oħra barra minn Malta, fosthom fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma.
Il-proġett isir jekk jingħata l-approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar u miexi skont ir-regolamenti tal-Knisja.
Il-Kurja tenniet kif dan il-proġett se jgħin biex il-parroċċa tkun ekonomikament sostenibbli, biex b’hekk il-Bażilika tkompli sservi ta’ ċentru pastorali għar-residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta, kif ukoll għall-viżitaturi.
Il-proġett jipproponi wkoll pjan terran u kmamar għall-użu pastorali, li se joffru spazju għad-diversi gruppi ta’ tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani li jiffurmaw il-komunità parrokkjali.
Aktar dettalji jitħabbru ’l quddiem.