Twajba, rispettabbli u tferraħ lil kull min ikun madwarha.
Hekk ġiet deskritta Kacey Sciberras, it-tfajla ta’ 17-il sena li tilfet ħajjitha fl-inċident li seħħ fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu, fi Triq Tumas Chetcuti f’Ħ’Attard.
Il-karozza li fiha kienet passiġġiera l-vittma, Chevrolet Aveo, kient misjuqa minn ġuvni ta’ 20 sena minn San Pawl il-Baħar. Fi stqarrija ġie spjegat kif il-karozza tilfet il-kontroll u ġarrbet ħsarat estensivi wara li ħabtet f’arblu u ħajt.
Fl-istess vettura kien hemm riekba wkoll tfajla ta’ 17-il sena minn Ħ’Attard.
Immedjatament kienu msejħa l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu lill-persuni nvoluti.
Il-vittma ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post filwaqt li ż-żewġ persuni l-oħra ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza, fejn ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.
B’rabta ma’ din l-aħbar traġika, il-Ħadd filgħodu kienu bosta li esprimew ix-xokk u għaddew il-kondoljanzi tagħhom, għall-mewt taż-żagħżugħa, fosthom familjari, ħbieb, fuq il-midja soċjali.
Bosta għaqdiet li kienet attiva fihom Kacey, fosthom il-Kumitat Festa San Pawl il-Baħar, il-Kunsill tal-Istudenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi u l-għaqda Pulse, ukoll taw il-kondoljanzi tagħhom.
Intant, bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo, li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.