Nhar il-Ħadd li ġej, kull min qed ifittex attività għall-familja jista’ jżur l-Aħrax tal-Madonna tal-Mellieħa. Hemm se jkun hemm bost affarijiet x’wieħed jista’ jagħmel mill-għaxra ta’ filgħodu ‘l quddiem. Fosthom jista’ jduq l-ikel li se jkun hemm eżebit, jipparteċipa fit-taħwil ta’ siġar, jieħu lit-tfal għal pony rides, fuq bouncing castles, għal sumo wrestling…insomma l-attivitajiet huma bosta. Hemm anke falkunerija u wirjiet tal-klieb għal min hu dilettant.
Dan kollu b’risq Puttinu Cares. Ta’ min jgħid li għall-kaċċaturi Melleħin, din se tkun it-tieni darba li se jorganizzaw l-attività, wara li l-maltemp sfratta kollox meta kellha ssir oriġinarjament. Għalhekk din id-darba l-ħeġġa sabiex l-attività tirnexxi hija kbira.