Erbgħa mid-disa kaċċaturi li kienu akkużati b’rabta mal-organizzazzjoni ta’ protesta illegali fil-Belt inqatgħet sentenza dwarhom wara li wieġbu ħatja.
L-irġiel tressqu l-Qorti wara li ħadu sehem fl-istess protesta li nvolviet madwar mitejn kaċċatur, u li saret wara li l-Gvern kien għalaq l-istaġun tal-kaċċa kmieni konsegwenza ta’ qtil ta’ diversi speċi protetti.
Quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, l-avukat Lucio Sciriha informa lill-Qorti li Arnold Farrugia, Alan Mizzi, Gabriel Farrugia u Josmar Buhagiar xtaqu jammettu l-akkużi miġjuba kontrihom. Arnold Farrugia ta’ 21 sena minn Ħad Dingli inħeles mill-arrest filwaqt li ma jistax jagħmel reat ieħor f’temp ta’ tliet snin u kien immultat seba mitt ewro.
Alan Mizzi ta’ 22 sena miż-Żebbuġ inħeles mill-arrest għal sentejn u mmultat €100 talli waddab flixkun lejn il-gallarija tal-każin tal-Partit Laburista fi Triq ir-Reppublika.
Gabriel Farrugia ta’ 19-il sena mill-Mosta tpoġġa fuq probation għal tliet snin u kien immultat €700 talli kien qed iġor arma mhux ta’ veru. Josmar Buhagiar ta’ 28 sena minn Ħaż Zabbar inħeles mill-arrest fuq perjodu ta’ sena.