Kaċċatur ta’ 31 sena sofra ġrieħi gravi meta ntlaqat f’wiċċu minn tir ta’ senter.
L-inċident seħħ dalgħodu, għall-ħabta tat-7.45 fl-inħawi tal-Kappella tal-Madalena f’Ħad-Dingli.
Minn stħarriġ preliminari jirriżulta li hekk kif kaċċatur ieħor ta’ 66 sena spara għal tajra, sema’ lill-vittma, li allegatament ma kienx induna bil-preżenza tiegħu, jgħajjat. Hu minnufih ġera għal ħdejh u tah l-ewwel għajnuna filwaqt li ċempel għall-assistenza medika.
Iż-żewġ kaċċaturi huma residenti Ħad-Dingli.
Il-kaċċatur li ndarab ittieħed bl-ambulanza l-Isptar Mater Dei, fejn kien stabbilit li ma kienx f’qagħda kritika imma kien sofra ġrieħi ta’ natura gravi.
Sadattant, il-każ qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija tad-Distrett tar-Rabat.