Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ħelset liż-żagħżugħ Għawdxi Brandon Said ta’ 29 sena minn sentenza li qatel tajra protetta waqt li kien għall-kaċċa f’April tal-2022, minħabba nuqqas ta’ provi.
L-ewwel Qorti Kriminali f’Għawdex, li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, kienet sabitu ħati u mmultatu elf u mitejn ewro, waqt li kkonfiskatlu l-liċenzja għal sentejn sħaħ.
Iż-żagħżugħ kellu jiddefendih lill-Avukata Deborah Camilleri, li inċidentalment tiġi mart il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri.
Dwar dan il-każ kien ikkummenta fuq il-midja soċjali, il-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife, Mark Sultana, fejn sejjaħ lil dan iż-żagħżugħ, illum innoċenti, “idjota arroganti pre-istoriku.” Hu wkoll kien sejjaħ lill-Pulizija f’Għawdex reqdin u mnalla tkun il-BirdLife biex jinqabdu dawn il-każi.
Fl-istess kitba, Sultana attakka fil-beraħ lill-Ministru Clint Camilleri u akkużah li qed idgħajjef apposta l-liġijiet fil-gżira biex ma jkun hemm l-ebda inforzar relatat mal-kaċċa u l-insib. L-attakk kompla fuq mart il-Ministru, Deborah Camilleri, Avukata bi professjoni, fejn il-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife qalilha li hi kompliċi ma’ żewġha u mhux professjonali.
Hu żied jgħid li ż-żagħżugħ kien jixraqlu sentenza ta’ ħabs effettiva u li kellha titteħidlu l-liċenzja għal għomru.
Iżda issa, fl-appell, l-Imħallef Scerri Herrera nnotat li ż-żagħżugħ qatt ma ġie identifikat u mhemm xejn fl-atti li jorbot lill-imputat mal-każ li dwaru kien tressaq.
Dan hekk kif ħadd mix-xhieda, li tressqu mill-prosekuzzjoni, ma kien f’pożizzjoni li jagħraf lill-imputat u ma nġiebet l-ebda prova konvinċenti li l-għasfur protett ma setax jiġi kkaċċjat f’dak iż-żmien.
Għalhekk il-Qorti laqgħet l-appell ta’ Brandon Said u rrevokat is-sentenza mogħtija mill-ewwel Qorti u illiberatu minn kull ħtija u piena.