Aġġornat (1):
L-Istati Uniti qalet li l-ħaddiema kollha fl-Ambaxxata ġew evakwati għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Kabul, filwaqt li hemm preżenza qawwija tal-Forzi Amerikani mad-dawra tal-ajruport.
Il-midja bi prominenza qed tirrapporta wkoll li aktar minn 60 pajjiż minn madwar id-dinja ħarġu sqarrija sabiex it-Talibani jħallu lin-nies jitilqu mill-pajjiż.
Aktar qabel:
F’Kabul, propju fl-ewwel lejl li l-militanti Talibani reġgħu kisbu l-kontroll totali tal-Afganistan bdew jiġu infurzati l-ewwel liġijiet stretti Iżlamiċi.
F’numru kbir ta’ roadblocks madwar il-kapitali Kabul diversi militanti armati sa snienhom b’machine guns u armi oħra bdew iwaqqfu u jiċċekkjaw kull vettura li tgħaddi minn ħdejhom.
Eks uffiċjali tal-Gvern Afghan immexxi mill- President Ashraf Ghani qed jiġu mwaqqfa arrestati filwaqt li għan-nisa mhux permissibbli aktar li joħorġu wara nżul ix-xemx u ġew pprojbiti milli jsuqu kull tip ta’ vettura.
Dan sar ftit tas-sigħat biss wara li l-President ħarab mill-Afganistan sabiex skont hu jevita t-tixrid tad-demm. Rapporti qqed jgħidu li hu ħarab lejn Uzbekistan.
Huwa qal dan permezz ta’ status fuq Facebook lit-Talibani sabiex jieħdu ħsieb il-poplu Afgan.
Intant filmati fuq il-midja soċjali wrew ukoll l-ewwel mumenti tal-mexxejja Talibani fil-Palazz Presidenzjali ftit tal-ħin biss wara l-ħarba tal-President Għani.
Fl-istess waqt eluf kbar ta’ persuni qed jippruvaw jaħarbu mill-pajjiż b’kull mezz possibbli.
Filmati li qed jiċċirkolaw fuq il-midja internazzjonali wrew gruppi kbar ta’ nies jikjuwjaw fil-mitjar ta’ Kabul biex jaqbdu waħda mit-titjiriet barra mill-pajjiż.
Filmati oħra qed juru ajruplan militari ppakkjat b’persuni li jridu jaħarbu fl-isfond ta’ ħsejjes tal-armi jisparaw.
F’kummenti esklussivi li ta lis-sit tal-aħbarijiet CNN, wieħed mill-mexxejja Talibani sostna li huwa jemmen li xi darba jew oħra l-liġi Iżlamika għad tixtered mhux biss fl-Afganistan iżda madwar id-dinja kollha.
Ġurnalisti fis-Sirja rrappurtaw ukoll li mal-aħbar li t-Talibani ħadu l-kontroll tal-Afganistan, diversi Moskeji f’Erbil infexxew f’kant ta’ talb f’forma ta’ ċelebrazzjoni għal dak li għadu kif ġara.
Bil-moral ta’ dawn il-persuni kien deskritt li huwa għoli ħafna b’dak li ġara matul il-jum.
Din il-ħakma mill-ġdid tat-Talibani ġiet ftit tal-ġimgħat biss wara li l-President Amerikan Joe Biden iffirma ordni eżekuttiva biex il-qawwiet Amerikani jħallu l-Afganistan darba għal dejjem.
Fit-8 ta’ Lulju li għadda meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dan is-suġġett, Biden iddefenda d-deċiżjoni tiegħu u sostna li l-Gvern Afgan għandu r-riżorsi kollha biex jiddefendi lilu nnifsu mit-Taliban.
Huwa xejjen ukoll rapporti li l-intelliġenza Amerikana wissiet dwar invażjoni mit-Taliban u hawnhekk saħansitra kien sostna li huwa ċar li l-Gvern tal-Afganistan kellu l-kapaċità li jsostni lilu nnifsu.
Meta kien mistoqsi dwar jekk din l-irtirata Amerikana mill-Afganistan hix waħda simili għal dik li kienet ġrat wara l-gwerra tal-Vjetnam, Biden sostna li le.
Huwa saħansitra kien tenna li fl-Afganistan mhux se naraw xeni ta’ ħelikopters jevakwaw dinjitarji minn fuq bjut tal-ambaxxati.
Minkejja dan, sfortunatament filmati li ħarġu llum mill-Afganistan wrew xeni kważi identiċi għal dawk li dehru f’Saigon fl-1975.