Kabinett ġdid. Uċuh ġodda u demm ġdid.
Hekk ġie deskritt il-kabinett li tħabbar l-Erbgħa mill-Prim Ministru Robert Abela mill-Professur tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta Philip Von Brockdorff.
L-ekonomista laqa’ d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Abela li fost oħrajn jaħtar lil Silvio Schembri bħala Ministru tal-Ekonomija u kkummenta dwar l-isfidi li jġib miegħu dan il-Ministeru.
Prof. Von Brockdorff stqarr:“Naħseb irridu nħarsu lejn setturi ġodda u naf illi Silvio ħadem ħafna fuq setturi ġodda naħseb għalhekk hija għażla tajba ħafna li jaħdem f’dan setturi ġodda biex nattiraw investiment lejn Malta.”
Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza tal-Ministeru tal-Ambjent u t-tibdil fil-klima li se jkun immexxi mill-Ministru Aaron Farrugia fejn saħaq li dan is-settur se jirrifletti bilanċ bejn l-iżvillupp u l-ambjent.
Prof. Von Brockdorff sostna: “Naħseb hija opportunità biex inpoġġu l-ambjent ukoll bħala prijorità però bħala opportunità ta’ investiment. Ġo Brussell ser jitħabbar dak il-green deal u naħseb Malta għandha opportunità wkoll biex tissokta b’dik il-proposta biex isir ħafna investiment fil-qasam ambjentali.”
Von Brockdorff sostna li l-fatt li hemm numru ta’ żgħażagħ huwa pożittiv ħafna għax qal li dan jaspira ħafna entużjażmu sabiex ixammru l-kmiem u tissokkta l-ħidma. Tenna wkoll li fis-settur tal-edukazzjoni responsabbli mill-Ministru Owen Bonniċi hemm ħafna xi jsir f’dan il-qasam id f’id mar-riċerka u l-iżvillupp.
Saħaq li fil-kabinett tispikka t-taħlita żagħżugħa u tal-esperjenza fosthom fis-settur finanzjarju li tkompli mal-fattur tal-kontinwità li qal huwa punt li dejjem kien ta’ prijorità għall-Prim Ministru Robert Abela.