F’konferenza tal-aħbarijiet wara l-ġurament tal-ħatra tal-Kabinett tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Kabinett li ħatar huwa sinjal b’saħħtu li dan hu Gvern li mhux biss qed iħares lejn is-sentejn u nofs li jmiss ta’ din il-leġiżlatura, iżda ferm lil hinn minn hekk. Abela qal li “Dan huwa kabinett b’demm ġdid, b’enerġija ġdida. Bil-ħatra tal-element żagħżugħ kollu fil-grupp parlamentari. Għalhekk insostni li dan hu l-kabinett li qed iħares fuq medda ta’ ġenerazzjoni.”
Filwaqt li fisser li bil-Kabinett issa ffurmat il-Gvern se jkompli miexi fit-triq tal-istabbiltà tkabbir ekonomiku u s-serħan il-moħħ, Dr. Abela qal li se jkompli joħloq il-ġid li jitqassam b’mod ġust bejn kulħadd filwaqt li jwettaq l-bidliet li huma meħtieġa.
Fisser kif fil-Kabinett il-ġdid ingħatat iżjed importanza lill-akkomodazzjoni soċjali, il-ħarsien tal-konsumatur, id-djalogu soċjali, il-wirt nazzjonali u d-drittijiet tal-annimali, iżda mhux biss “Il-ġustizzja u l-governanza ġew ikkonsolidati f’Ministeru wieħed biex nissoktaw b’mod aktar effettiv ir-riformi f’dan is-settur. L-istess ukoll, l-ambjent u l-ippjanar bil-għan li noħolqu l-bilanċ meħtieġ, bejn l-iżvilupp u l-ambjent.”
Il-Prim Ministru qal ukoll li kif il-Kabinett huwa kompost, iħares ukoll lejn it-tisħiħ tal-ugwaljanza b’sinjali ċari “Ħtart fil-kabinett it-tliet nisa li għandna fil-grupp parlamentari, tliet nisa kapaċi li bil-ħatra tagħhom f’dan il-kabinett qed nibgħat sinjal ċar li dan il-Gvern għandu fuq nett tal-aġenda tiegħu numru ta’ riformi, fosthom dawk li jħarsu l-ugwaljanza u rappreżentanza għolja ta’ nisa fit-tmexxija tal-pajjiż u fil-Parlament.”
Fuq kollox Dr. Abela qal li Gvern imexxi minnu se jkompli iħejji lill-pajjiżna għall-prospetti sbieħ li mhux biss Malta trid tilħaqhom iżda jirnexxielha tagħmel aħjar “Dan it-tim se jmidd idu għax-xogħol minnufih flimkien mal-grupp parlamentari tal-Gvern fejn kulħadd se jkollu l-opportunità jagħti kontribut. Għandna budget ambizzjuż, x’nimplimentaw u programm tal-Gvern li se jkompli jbiddel wiċċ pajjiżna. Flimkien se nkomplu mexjin ‘il quddiem.”