Waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista minkejja li l-kelma tiġdid ġiet ripetuta mhux ftit, spikkaw is-soltu botti li jikkaratterizzaw il-qasma interna bejn iż-żewġ fazzjonijiet li heżżew l-istrutturi tal-Partit f’Tal-Pietà.
L-ixprun ta’ dawn il-botti kienet Graziella Galea.
Kunsilliera f’San Pawl il-Baħar u li f’Marzu li għadda tefgħet isimha għall-elezzjoni każwali fuq it-tnax-il distrett sabiex tieħu post l-Eks Kap Simon Busuttil fil-Parlament. Siġġu li rebħu David Thake.
Is-sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali spjegaw kif id-disfatta ta’ Galea fl-elezzjoni każwali ma niżlitilha xejn tajjeb u sal-lum għad hemm rammarezza qawwija bejnha u bejn David Thake.
L-istess sorsi spjegaw kif l-indirizz tagħha waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Ħadd kien xhieda ta’ dan hekk kif ħarġet għonqha għall-Kap u fetħet attakk fuq l-allegazzjonijiet li għamel Thake fil-konfront tal-Kap Adrian Delia.
F’botta indiretta imma ċara, l-ewwel akkużatu li qed ifittex il-glorja personali – “Il-politika m’għandiex tkun l-għodda biex infittxu l-glorja personali.”
Kompliet tgħid kif min iressaq l-allegazzjonijiet għandu jagħmel dan bil-fatti inkella għalxejn jiftaħ ħalqu. – “Jekk ma jkollniex il-fatti f’idejna ikun kollu għalxejn li niftħu ħalqna.”
Dan l-istess sentiment trasmettieh il-Kap Adrian Delia waqt intervista ftit tal-jiem ilu hekk kif prova jimmina l-allegazzjonijiet ta’ David Thake. – “Jekk David Thake diġà kellu informazzjoni sena ilu għalfejn m’għaddijiex l-informazzjoni.”
Madankollu d-deputat Nazzjonalista li jissimpatizza ferm mal-fazzjoni Busuttil ma ħallihiex għaddejjha lixxa.
Ftit tas-sigħat wara li ntemm il-Kunsill Ġenerali f’filmat fuq il-profil tiegħu fuq Facebook Thake saħaq li min imexxi l-Partit Nazzjonalista għandu jkun nadif saħansitra anke minn suspetti.
Sena ilu fuq l-istazzjon Nazzjonali Thake kien allega li Yorgen Fenech offra lil Delia €50,000 biex David Casa ma jitlax fil-Parlament Ewropew.
Is-suspetti fuq Delia reġgħu telgħu f’wiċċ l-ilma ftit tal-jiem ilu wara li Melvin Theuma taħt ġurament qal li Yorgen Fenech irrepeta l-istess allegazzjoni li għamel David Thake.
Dakinhar David Thake talab lill-Pulizija biex tinvestiga dan il-każ filwaqt li talab għal investigazzjoni interna fil-Partit Nazzjonalista.