Karozza tat-tip Honda li ntużat għall-propoganda tal-Occupy Justice issejjaħ lill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, u llum deputat tal-oppożizzjoni, Simon Busuttil.
Hu mifhum li din il-karozza ntużat biex twaħħlu l-posters ta’ Occupy Justice
quddiem Kastilja u quddiem l-Bank Pilatus f’ Ta’ Xbiex fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn.
Ritratti varji li ġew ippublikati fil-gazzetta l-Orizzont juru l-vettura inkwistjoni rreġistrata fuq Dr Busuttil u bil-pjanċi tar-reġistrazzjoni TWQ291 wieqfa bejn il-parkeġġ tal-Bank Ċentrali u ċ-Ċentru għall-Kreattività Kavallier ta’ San Ġakbu għal xi ħinijiet bejn l-4.00 u l-5.00 ta’ filgħodu.
Intant irriżulta lill-istess ġurnal li sakemm twaħħlu dawn il-posters kienu nvoluti minn tal-anqas sitt persuni iżda mhux mgħaruf jekk l-istess Busuttil kienx fosthom. Lanqas hu magħruf jekk il-karozza kinitx misjuqa minnu stess jew ħaddieħor.
Ninsabu informati li kienet il-vettura ta’ Busuttil biss preżenti l-ħin kollu fi Pjazza Kastilja, waqt li vettura oħra privata tat-tip Mazda waslet fuq il-post fejn kienet qiegħda sseħħ din l-operazzjoni klandestina.
Iż-żewġ vetturi telqu minn fuq il-post flimkien ftit wara bl-individwi li għadhom mhux magħrufa.
L-istess ġurnal żied jgħid li għalkemm ma setax isib dawn il-posters fi Pjazza Kastilja appena żar l-post kmieni lbieraħ filgħodu, l-istess grupp, li jsejjaħ lilu nnifsu Occupy Justice, tella’ ritratti tagħhom fuq il-midja soċjali fejn jidhru mwaħħlin anke ma’ arbli tad-dawl li jwasslu sa ħdejn il-Monument tal-Gwerra u oħrajn f’Ta’ Xbiex.
Ta’ min jirrimarka li l-Avviż Legali 36 tal-2018 dwar it-twaħħil ta’ posters u materjal pubbliċitajru f’postijiet pubbliċi jispeċifika li dawn ma jistgħux jitwaħħlu ma’ proprjetà tal-Gvern jew entità parastatali mingħajr il-permessi meħtieġa.
Il-posters li jimplikaw korruzzjoni fi ħdan il-Gvern Laburista u prattikament juru lill-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, huma manipulazzjoni ta’ posters uffiċjali ta’ films magħrufin biex akkost ta’ kollox iħammġu l-operat amministrattiv.
L-operazzjoni tat-twaħħil ta’ posters kienet qiegħda ssir ukoll biex tfakkar is-sitt xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia lbieraħ fejn filgħaxija wkoll ġiet organizzata quddiesa kkonċelebrata mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna u sussegwentement wara saret vġili minn għexieren ta’ simpatizzanti quddiem il-bini tal-Qorti fi Triq ir-Repubblika, il-Belt.