Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara li fl-ekonomija għandna Gvern bla moħħ.
F’intervista fuq l-istazzjon tiegħu, il-Ħadd filgħodu Delia kien negattiv u attakka lil Gvern fuq kull deċiżjoni ta’ fejda li waslet biex pajjiżna jkun rikonoxxut minn madwar id-dinja bħala pajjiż mudell għal kif qed jikkontrolla l-imxija.
Delia stqarr: “Ħa nuża kelma goffa. Fl-ekonomija għandna Gvern bla moħħ.”
Din id-dikjarazzjoni negattiva ta’ Delia ssegwi dak li ħaddieħor qal fuq pajjiżna fosthom studju ta’ università rinomata fl-Amerka li fissret il-pakkett t’għajnuna tal-Gvern Malti lin-negozji u l-ħaddiema bħala l-aqwa pakkett fid-dinja.
Dan apparti rapporti t’aġenziji internazzjonali ta’ kreditu, il-fond monetarju internazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea li lkoll irrimarkaw li pajjiżna se jieħu l-inqas daqqa ekonomika minn kriżi globali u li s-sena d-dieħla se jkun rkupra.
Barra minn hekk, fl-istess jum li Delia qal li fl-ekonomija għandna Gvern bla moħħ, stħarriġ tat-Times wera kif kważi tliet kwarti jemmnu li l-Gvern mexxa l-qagħda ekonomika b’mod tajjeb ħafna.
Dan wara li l-Gvern salva qrib l-100,000 impjieg billi ta mat-€800 fi ħlasijiet ta’ pagi fix-xahar lill-ħaddiema li jaħdmu f’setturi milquta mill-pandemija.
Intant Delia ftaħar li qed jikkonsulta dwar l-edukazzjoni. Huwa sostna: “Prattikament kien hemm diversi persuni esperti għalliema soċjoloġi ġenituri.”
Iżda Delia naqas li jgħid li ma stidinx għal konsultazzjoni lill-unjin tal-edukaturi fi ħdan l-unjin ħaddiema maqgħudin li kienet urtata ħafna li ma kinitx mistiedna għall-konferenza tas-Sibt, li Clyde Puli organizza f’isem Delia dwar l-edukazzjoni.
F’reazzjoni l-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista uża diskors li jbeżża’ u li ma joffri l-ebda proposta kredibbli għal pajjiżna.
Il-Partit Laburista nnota li dan il-Gvern offra l-aqwa pakketti ta’ għajnuna għall-ħaddiema u negozji Maltin fid-dinja.
B’ekonomija b’saħħitha, Malta kellha wkoll spiża kbira fil-qasam tas-saħħa. Fuq kollox, il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li pajjiżna se jkun minn tal-ewwel li tirkupra minn madwar id-dinja.
Il-Partit Laburista temm jgħid li filwaqt li Gvern Laburista kommess li jissalvagwardja l-impjiegi l-Oppożizzjoni mhedija biex tipprova tiskorja xi punti politiċi.