Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qed ikun minn ta’ quddiem li jżomm għaddejja r-ribelljoni kontra l-Kap Adrian Delia.
Wara li fil-jum tal-Ħamis uża konferenza tal-aħbarijiet tal-partit stess biex jattakka lil Delia, fil-jum tal-Ġimgħa ħareġ stqarrija ffirmata minnu u fiha ma ddejjaq xejn isemmi x-Shift news, fergħa oħra tal-fazzjoni Simon Busuttil li ħalfet li teqred lil Delia.
Fi stqarrija li ħareġ f’isem il-partit ta’ Delia iżda ffirmata minnu, Karol Aquilina tenna dak li riedet ix-Shift News biex il-Prim Ministru Robert Abela jippubblika l-ittra tar-riżenja ta’ Joseph Muscat.
Din it-talba ġiet miċħuda mill-uffiċċju tal-President.
Ix-Shift news twaqqfet minn Caroline Muscat, eks strateġista tal-Partit Nazzjonalista u persuna qrib ħafna ta’ Simon Busuttil.
Muscat kienet tippoża ta’ ġurnalista indipendenti mat-Times.
Ix-Shift News mhux darba jew tnejn li bl-artikli tagħha wriet il-bieb ta’ barra lil Delia.
Intant il-battuta tal-Ħamis ta’ Karol Aquilina baqgħet tidwi fost l-uffiċini tat-tmexxija Nazzjonalista.
Imkejjen fid-dar ċentrali qalu lil ONE News li Aquilina, wieħed mill-hekk imsejħa sbatax-il eroj li kien il-perċimes fir-ribelljoni, qed juża kull opportunità biex jimbarazza lil Kap Adrian Delia u jkompli jaqtalu saqajh.
Fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji li ressqet Daphne Caruana Galizia u li għadhom fuq ras Delia, li fetaħ kont bankarju f’Jersey u daħħal flus ġejjin mill-prostituzzjoni, Karol Aquilina qal li dak kollu li huwa ħażin irid jiġi investigat u jittieħdu l-azzjonijiet.
Aquilina qal: “Jien ser nibqa’ ninsisti li ssir ġustizzja u dak kollu li huwa ħażin wieħed jiġi investigat u jittieħdu l-azzjonijiet.”