Wara t-telfa u eliminazzjoni tal-Ġimgħa mill-UEFA Champions League, kmieni waranofsinhar ħarġet l-aħbar li Juventus keċċew lil Maurizio Sarri minn kowċ tat-tim. Minkejja li Sarri rnexxilu jżomm it-tradizzjoni tal-klabb li jirbaħ il-Kampjonat, xorta ma rnexxilux jwassal lit-tim sabiex jirbaħ l-akbar unur fuq livell Ewropew, jiġifieri l-UEFA Champions League.
Juventus ġew eliminati fil-fażi tal-aħħar sittax tal-UEFA Champions League għas-spejjeż tat-tim Franċiż ta’ Lyon. Sarri kien ħa t-tmexxija tat-tim f’idu madwar sena ilu meta kien ħa post Max Allegri.
Minkejja li Juventus mistennija li jieħdu ż-żmien tagħhom sabiex jaħtru kowċ ġdid, diġà bdew jissemmew bosta ismijiet li jistgħu jieħdu f’idejhom it-tim ta’ Juventus fosthom Mauricio Pocchetino, Zinedine Zidane u anke l-kowċ ta’ Lazio Simone Inzaghi.