Angelo Di Livio, magħruf bħala “Il Soldatino”, Nicola Legrottaglie, Moreno Torricelli u Alessandro Birindelli.
Erba’ leġġendi tal-logħba tal-ballun.
Erba’ ismijiet li, għal kull tifoso Juventin, iġibu magħhom memorji ta’ battalji fil-grawnd, ġlidiet kbar għall-kampjonat Taljani u tazzi Ewropej, u mumenti fejn il-qalb kienet tħabbat tant b’qawwa kull darba li dawn il-ġganti libsu l-flokk iswed u abjad.
U, issa, dawn l-erba’ ġġganti se jkun fostna bħala mistednin speċjali tal-Juventus Club Vero Amore – Malta, li se jkun qed jiċċelebra l-50 sena tiegħu mimlija passjoni, fedeltà u mħabba lejn dan it-tim rinomat mad-dinja.
Ċelebrazzjoni mhux bħall-oħrajn. Għax mhux kuljum li leġġendi tal-istorja tal-ballun jiġu pajjiżna f’daqqa.
F’konferenza tal-aħbarjiet, il-President tal-Juventus Club Malta Vero Amore, Joseph Fenech, qal li ħamsin sena hi mira importanti ħafna fl-istorja tal-klabb, anke għall-fatt li dan il-klabb hu t-tieni l-aktar klabb antik fid-dinja ta’ Juventus lil hinn mill-Italja.
“Ifisser ħafna, 50 sena qed ngħidu nofs seklu, tragward importanti. Kif għedt qabel, aħna it-tieni l-akbar Juventus klabb fid-dinja, però bħala premises hawnhekk għadna palazz Juventin.”
Joseph Fenech, President Juventus Club Malta
Għal din l-okkażjoni, il-klabb ħejja pjan sabiħ biex is-supporters tat-tim ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ dawn il-benjamini tagħhom, fejn jistgħu anke jieħdu ritratt magħhom.
Lil President Fenech ma stajniex ma nistaqsuhx fuq is-sitwazzjoni li għaddej minnha t-tim ta’ Juventus.
“M’inix kuntent bl-andament tal-klabb ta’ Juventus u, fl-opinjoni tiegħi, il-problema ġejja mis-soċjetà. Fis-soċjetà nemmen li jrid ikun hemm nies li kielu dak il-ħaxix, missew mal-ħaxix. Bħal Chiellini, Del Piero, Barzagli, anke Bonucci.”
Joseph Fenech, President